Issa l-gvern stess qed jammetti li l-politika liberali tiegħu qed tħalli ħafna aktar Maltin fil-faqar

Il-Gvern għadu kif ħabbar li 86,500 persuna vulnerabbli ser jirċievu cheque d-dar biex ipattu għall-għoli tal-ħajja li qed jolqot lil pajjiżna. Dan ġie mxandar mill-Ministri Clyde Caruana u Michael Falzon. Imma wieħed jistaqsi, din l-aħbar hija xi ħaġa li tiftaħar biha? Sew jagħmel il-gvern li jgħin lil min hu fil-bżonn imma din l-għajnuna qed tikxef realtajiet moħbija. Fi kliem ieħor, dawn iż-żewġ ministri qed jammettu li f’pajjiżna għandna 86,500 persuna li qiegħdin ibatu biex ilaħħqu mal-ħajja. Mela għandna kważi ftit inqas minn wieħed minn kull ħamsa tal-popolazzjoni fuq l-għatba tal-faqar. L-ammont ta’ €16.2 miljuni ser jitqassmu f’45,000 residenza. Dan ifisser li dawn in-numri ta’ residenzi qed jintlaqtu ħażin mill-għoli tal-ħajja u għandhom bżonn l-għajnuna biex ikunu jistgħu jgħixu f’ċertu livell ta’ kumdita’.

Dan il-mekkaniżmu jindirizza lil dawk kollha li qed jirċievi s-servizzi soċjali jew li jaqilgħu inqas mill-medja. Dan il-mekkaniżmu huwa intenzjonat li jgħin lil dawk il-familji li jaqilgħu ftit u allura ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Dawn huma ċifri nkwetanti għaliex qed jagħtu stampa pjuttost perikoluża ta’ kemm għandna familji li mhumiex jaqilgħu l-medja ta’ dħul li bħalissa tlaħħaq €17,796 fis-sena.

Mela l-politika ekonomika ta’ dan il-gvern mhux verament qed tindirizza lil dawk fil-bżonn. Dan hu gvern suppost xellugi u Soċjalista. Fejn hu s-soċjaliżmu f’dan kollu meta l-politika tal-istess gvern qed twassal li għal ftit inqas minn 1 minn kull 5 f’pajjiżna, jekk mhux aktar, qiegħed f’riskju ta’ faqar? L-aqwa li għandna gvern xellugi u qed jagħmel miżuri xellugin li llum ġew jissarrfu f’miżuri marbuta mas-sess. Imbagħad, dawk li ma għandhomx għaxja ta’ lejla qed jiżdiedu. Din hija realta’ inkwetanti.

Ġejna mgħarfin ukoll li dawn iċ-ċekkijiet ser joħorġu darba fis-sena lil dawn in-nies kollha li huma vulnerabbli. Dan ifisser li dan l-ammont mhux penzjonabbli.

Huwa pjuttost ironiku li żewġ ministri jiftaħru li ser iqassmu dawn l-ammonti ta’ flus lil nies fil-bżonn tal-għajnuna meta dawn huma vittmi tal-politika tal-istess gvern. Kien ikun ħafna iktar komplimentuż kieku dawn iċ-ċifri kienu inqas għax kien ifisser li hemm ħafna inqas nies fuq il-preċipizzju tal-faqar u b’hekk l-ekonomija tal-gvern kienet tidher li verament qed tilħaq lil kulħadd. Imma dan hu l-liberaliżmu ġdid li daħal f’pajjiżna.

Kont nistenna li l-ministri kienu jgħidu li ser jagħmlu minn kollox biex dan in-numru ta’ nies vulnerabbli jnaqqsuh matul din is-sena u mhux jgħidu li s-sena d-dieħla ser jerġgħu jagħtu dawn l-ammonti ta’ flus. Jiġifieri qed jammettu li l-faqar tiela’ f’Malta, imma x-xellugin u l-liberali kuntenti b’din il-politika. L-aqwa li dieħel l-abort. Taf int, illum dak li jagħmel xellugi hija l-politika tal-ġeneru u dik abortiva. Sew qed jagħmlu l-konservattivi madwar id-dinja li qed jitbegħdu minn din il-politika perikoluża.

Fil-verita’ dawn iċ-ċifri juru li fil-fond hemm sinjali ta’ qtigħ il-qalb. Mhux ta’ b’xejn li l-Ħadd li għadda għoxrin 20,000 ruħ niżlu fil-pjazza. Anki jekk dawn niżlu għal raġunijiet oħrajn, kieku verament kien hawn kuntentizza ekonomika, il-protesta kienet tkun inqas b’saħħitha. B’dak li qed jgħid il-gvern, in-numru ta’ nies vulnerabbli mhux ser jonqos imma ser jiżdied.

Il-pjan tal-gvern għandu jkun li jagħmel l-almu tiegħu kollu biex iżiedu l-qligħ ta’ dawn in-nies, b’mod speċjali tal-klassi medja. Dik hija l-vera politika tal-konservattivi. Minflok, bil-politika tiegħu, dan il-gvern qed iwassal biex tkompli tonqos il-klassi medja ġewwa pajjiżna. Waqt li erba’ min-nies qed isaħħu l-imperu finanzjarju, il-faqar qiwgħed dejjem jikber. Imma x-xellug f’Malta mogħmi bil-politika tal-ġeneru ta’ dan il-gvern. B’hekk in-numru ta’ dawk li qed jistennew l-għajnuna mhux ser jonqos imma ser jiżdied.

B’hekk, jekk il-politika konservattiva titħaddem kif suppost mill-partit fl-oppożizzjoni, dan għandu jissaħħaħ u mhux jiddgħajjef. Dan jista’ biss isir billi l-Partit Nazzjonalista ma jħallix il-politika tiegħu aktar f’idejn erba’ xellugin u liberali. Fuq kollox il-partit fl-oppożizzjoni ma għandux jibqa’ jagħti widen lill-mainstream media li l-ġurnalisti tagħha huma mixtrija minn dan il-gvern korrott.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *