Fejn huma d-drittijiet tal-missirijiet f’din l-emenda li jrid il-gvern? Anki l-kunċett tal-liġi Rumana ta’ “Curator Ventris” qed ifarrak
Minn Edwin Vassallo
Bħala eks-membru parlamentari, konxju li politiku għandu jiddiskuti fil-Parlament anki liġi li ma jaqbilx magħha moralment. Imbagħad għaliex ma jaqbilx magħha, il-politiku għandu jivvotta kontra tagħha. Huwa wkoll fid-dmir li politiku fil-parlament iressaq l-emendi biex jimminimiza l-ħsara li tkun mistennija tagħmel liġi għaliex f’għajnejh tidher ħażina. Qiegħed nirreferi għal dan id-dmir biex nuri li jien konxju ta’ dan l-obbligu, iżda issa ser ikun qiegħed nressaq argument ieħor dwar dan id-dmir morali. Meta wieħed iħares kif qed jaħdem il-gvern, kemm verament politiku huwa obbligat li jressaq emenda jew jiddjaloga ma’ gvern li fil-verita’ ma jridx djalogu?
L-argument li jrid isir fil-Partit Nazzjonalista huwa jekk id-deputati tiegħu fil-Parlament għandhomx jibqgħu jħossuhom fid-dmir li jkunu politically correct u b’politically correct hawn qed nifhem li jibqgħu jiddjalogaw mal-gvern meta l-emenda tiegħu qed tikser il-kostituzzjoni u d-drittijiet tal-missirijiet. Din l-emenda żgur ma tirriflettix l-ispirtu tal-ugwaljanza li tant jiftaħar biha dan il-gvern. Fejnha l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa f’din l-emenda li jrid idaħħal il-gvern? Sakemm għandu dan il-partit jibqa’ jaħseb li għandu jkun “politically correct” u jiddjaloga ma’ dan il-gvern meta l-istess gvern qed iġib ruħu ta’ gvern totalitarju, gvern giddieb, gvern korrott bil-flus u issa bil-ħajja?
Kemm huwa deputat jew partit obbligat moralment li jidħol f’kumpliċita’ fil-vot favur din l-emenda li moralment hija ħażina u li r-riżultat tagħha huwa li l-abort f’Malta. Dan ser isir b’mod laxk mingħajr mal-missierijiet l-anqas ser ikollhom say legali f’dak li ser ikun qed iseħħ bejn l-omm u t-tabib. Din hija emenda offruta mill-gvern b’mod mill-iżjed miftuħ li tħalli spazji kbar. Fil-mod kif qed jiżviluppaw l-affarijiet, anki emenda mill-iżjed ristretta xorta waħda għandha tkun opposta mill-Partit Nazzjonalista għaliex din xorta ser tagħti lok ta’ interpretazzjoni u tintuża biex tfisser abort mingħajr mal-missierijiet jista’ l-anqas ikollhom dritt li jsemmu leħinhom.
Kif jista’ il-Partit Nazzjonalista jafda gvern li huwa korrott kemm moralment u anki fattwalment? Kif partit li jemmen fir-rule of law jista’ jafda gvern bħal dan? Fejnu l-kunċett ta’ ugwaljanza li tant jiftaħar bih dan il-gvern f’din il-liġi? F’pajjiżna, dan il-gvern qed iressaq liġijiet li ma għandux mandat elettorali għalihom. Żgur li din l-emenda ma kienx hawn il-bżonn tagħha. Dan il-gvern qed jiipprova jiġġustifikaha bil-każ Prudente. Iżda llum kulħadd jaf li Prudente qatt ma kienet fil-periklu tal-mewt. Illum in-nies qed jistaqsu anki dwar dan il-każ.
Dan mhux qed ngħidu jien. Issa qed jieħduh esperti kbar barranin fuq dan is-suġġett bħal ma hu Dr. Calum Miller. Miller kien ċar li din il-liġi qed toffri opportunita’ fejn tabib u l-omm tqila jistgħu jtemmu t-tqala sal-aħħar mument. Bla tlaqliq, Miller qal ċar li din ser toħloq opportunita’ għall-abbużi kbar. Din il-liġi qed tiġġustifika l-qtil ta’ tarbija fil-ġuf taħt l-iskuża ta’ periklu għas-saħħa jew għall-ħajja tal-mara, mingħajr mal-missier l-anqas ser ikollu l-ebda jhedd jew “say” f’dak li dawn it-tnejn jistgħu jagħmlu.
Anki l-kunċett legali ta’ ”curator ventris“ qiegħed jiġi infarrak minn dan il-gvern. Dan hu kunċett li jmur għad-dritt Ruman u jinsab fil-liġijiet tagħna. Fi kliem ieħor, fil-liġi tagħna jeżisti d-dritt li jekk missier imut waqt li martu għadha tqila, il-qraba jistgħu jidħlu garanti għat-tarbija u fuq kollox għall-omm li ser tkun ser twelled. Din l-emenda tinnega dan id-dritt. Fuq kollox, il-kunċett ta’ curator ventris, kif mifhum fil-liġi Rumana hu maħsub biex iħares kemm lill-omm u lit-tarbija kontra dawk li kienu jkunu jridu jimponu l-abort fuq l-istess omm!
Quddiem dan kollu, kif jista’ l-Partit Nazzjonalista jidħol fi djalogu ma’ gvern biex jidher li huwa politically correct? Kif jista’ il-Partit Nazzjonalista jafda gvern li huwa korrott kemm moralment u anki fattwalment? Kif partit li jemmen fir-rule of law jista’ jafda gvern bħal dan? Fejnu l-kunċett ta’ ugwaljanza li tant jiftaħar bih dan il-gvern f’din il-liġi? F’pajjiżna, dan il-gvern qed iressaq liġijiet li ma għandux mandat elettorali għalihom. Żgur li din l-emenda ma kienx hawn il-bżonn tagħha. Dan il-gvern qed jiipprova jiġġustifikaha bil-każ Prudente. Iżda llum kulħadd jaf li Prudente qatt ma kienet fil-periklu tal-mewt. Illum in-nies qed jistaqsu anki dwar dan il-każ.
Il-gvern qed jagħmel dan kollu għaliex il-PN spiċċa bħal dik il-familja li daħħlulhom persuni d-dar bħala ħbieb u spiċċaw biex serquhom. Fil-PN daħlu nies li spiċċaw jaħdmu biex jiżnaturaw lill-PN mill-ideoloġija tiegħu. Dan għamluh mhux għall-ġdid tal-partit imma għall-interessi tagħhom infushom. Il-PN ma jistax jibqa’ politically correct u jħalli lil min daħallu f’daru biex jisirqu minn dak li hu bi dritt tiegħu. Dan id-dibattitu qed juri li ladarba dawn daħħlu fid-dar li jisimha l-Partit Nazzjonalista, il-PN mhux obbligat li jibqa’ jafda lil dawn in-nies. Illum dawn urew il-veru kulur tagħhom. Illum dawn qegħdin wara Robert Abela. Jekk ser jibqa’ jafdahom, il-poplu mhux ser jafda lill-PN għaliex ser jarah biċċa waħda mal-gvern korrott ta’ Robert Abela.
Għalhekk, il-PN, mhux biss lil dan il-gvern li ma jistax jafda, imma l-anqas lil dawk fi ħdanu li qed imexxu l-aġendi ta’ dan il-gvern. Ma għadux iż-żmien ta’ kompromessi. Hawn qed nitkellmu ma’ persuni estremisti li taħt l-iskuża tad-drittijiet tal-mara, qed jiżnatura lill-bniedem mill-istess drittijiet tiegħu u fuq kollox lill-mara mill-istess dinjita’ tagħha ta’ omm.