Il-PN irid jieqaf ikun pupazz f’idejn Robert Abela u l-korrotti ta’ Kastilja

Minn Edwin Vassallo

Skond is-survey tal Malta Today, il-PN żied is-support tiegħu. Dawk li kienu telquh, bdew ġejjin lura għaliex raw relevanza fil-PN. Raw tama li dan il-partit qiegħed hemm biex jieħu stand favur il-ħajja. Dan kien survey li sar eżatt meta beda d-diskors fuq il-proposta tal-gvern biex idaħħal l-abort f’pajjiżna. Raġuni valida għal din iż-żieda ta’ support żgur kienet il-fatt li numru ta’ deputati fil-PN ħadu deċiżjoni li jingħaqdu biex jiddefendu d-dritt għall-ħajja tat-tarbija fil-ġuf.

Jidher iżda li dan il-fatt ukoll, jekk mhux l-unika raġuni għal din iż-żieda ta’ support dejjaq lil ċertu ġurnalisti bl-aġenda woke u liberali tagħhom. Iddejqu għaliex raw partit politiku konservattiv jieħu lura saħħtu għaliex kien hemm min mar lura għall-valuri ta’ dan l-istess partit.

Kurt Sansone, f’isem il-Malta Today, ħa l-okkażżjoni biex, bħal ma jagħmel normalment, joffri l-analiżi ta’ dan is-survey. F’din l-analiżi joħroġ ċar li Kurt Sansone ried jimminimiżża jew kif jgħidu bl-Ingliż, down plays, ir-raġuni għala l-PN żied is-support tiegħu. Waqt li għandu kull dritt għall-interpretazzjoni tiegħu, dan il-fatt għandu jiftaħ għajnejn il-PN u s-segwaċi ta’ dan il-partit li, kif ngħidu bil-Malti, ħadd ma hu ser jaħsillek wiċċek biex tkun isbaħ minnu. U l-Malta Today hija l-gazzetta ta’ Robert Abela. Għalhekk ngħid lin-Nazzjonalisti biex jibżgħu mill-ġurnalisti “woke”. Il-Partit Nazzjonalista hu partit politiku u għandu skop politiku. Dak li ma għandux jagħmel hu li jipprova jintgħoġob ma’ xi newsroom liberali. Dawk fi ħdanu ta’ ħsieb liberali kienu qed jiżnaturawh. Dawk kapaċi jiżnaturaw pajjiż. Kienu l-vera kawża wara t-telfa tal-2013 u minħabba fihom u l-attitudni tagħhom, il-Partit Nazzjonalista għadu sal-lum ma jistax jieħu ruħ.

Issa għax qed jieħu r-ruħ billi jmur lejn il-valuri veri tiegħu, il-ġurnalisti woke jridu jgħattu x-xemx b’għarbiel. Għalhekk mhux qed jgħidu x’inhi l-vera raġuni li tista’ twassal lill-PN biex jerġa’ jsir rilevanti fix-xena politika Maltija. Huwa fl-interess tal-ġurnaliżmu woke li jaraw li PN ma jerġax lura għall-għeruq konservativi tiegħu ħalli qatt ma jkun jista’ jmur fil-gvern u dawn il-ġurnalisti jibqgħu jergħdu mingħand dan il-gvern korrott.

Issa jidher bl-aktar mod ċar li meta l-PN jingħaqad biex jiddefendi l-valuri umani tal-ħajja, kif qed jagħmel fil-preżent u jiġġieled kontra l-abort, huwa jsir partit politiku relevanti. Dan is-survey huwa prova ta’ din ir-realta’. Dan huwa l-punt tat-tluq għall-PN. Iżda dan mhux il-punt tal-wasla tiegħu. Jien nemmen li żmien l-esperimenti bħal ma kienet id-deċiżjoni tal-IVF għadda. Dik il-gvern għaddieha biex jagħmel test lill-PN ħalli jara jekk dan il-partit ikunx kapaċi jieqaflu u l-liberali fil-PN lagħbu f’idejn il-gvern tal-Lejber.

B’hekk ir-riżultat ta’ dik id-deċiżjoni kien riżultat qares għaliex wera li l-PN sar partit irrelevanti, pupazz f’idejn Robert Abela u l-korrotti ta’ Kastilja. Grazzi għal grupp ta’ deputati, il-PN ġie mġiegħel jibdel ir-rotta b’hekk issa qed jibda jkollna riżultati sbieħ u qed nara li l-PN jista’ jerġa’ jsir partit relevanti.

Issa l-PN irid jara kif ser jmidd siequ għal pass delikat li jmiss. Issa nemmen jien, li l-PN irid jara li jinqabadx f’eżerċiżju ta’ kompromess mal-gvern u jispiċċa kompliċi fit-tbexxieq tal-bieb għall-abort għaliex dak kollu li jkun sar f’dawn l-aħħar ġimgħat isir suf. Niftakru x’kien jgħid Mintoff li The pen is mightier than the sword. Imma rridu niftakru wkoll li l-kelma tista toqtol.

U kliem li joqtol jista’ jmur kull naħa. U rajnihom lill-liberali u l-woke jużaw kliem li joqtol kontra dawk in-nisa li huma kontra l-abort. Ara dan ma jwassalx għall-miżoġenija. Xi diskors ta’ Bernard Grech fuq Prudente huwa miżoġenu!!!

Nemmen li għall-PN, l-aktar għajta għandha tkun waħda: dik li l-Gvern għandu jirtira din l-emenda. Ma għandux ikollu l-ebda kompromess ma’ dan il-gvern korrott. Il-logħob legalistiku bil-kliem dwar din l-emenda ser iħalli spazju ta’ interpretazzjoni. Għalhekk ngħid lill-PN biex joqgħod attent fejn ser imidd saqajh.

U fuq kollox, il-PN irid jieqaf ikun pupazz f’idejn Robert Abela u l-korrotti ta’ Kastilja.

4 thoughts on “Il-PN irid jieqaf ikun pupazz f’idejn Robert Abela u l-korrotti ta’ Kastilja

  1. Sur Gerada jekk tnehhi Religio ET Patria ma jibqax jezisti n-nazzjoni Malti – kif iridu dawk gewwa Brussel. Minghajr Patria x’pajjiz jista’ jkollok? u l-Patria fuq xiex hija mibnija jekk mhux il-kultura (li l-gherq tal-kelma gejja mill-kelma kult)?

  2. Mela dawk li telqu mil pneeeeee regaw marru lura, allura il pneeeeee rega ha sahtu. xinti tpejep cisan?.

  3. Jonqos HAMES snin ghall elezzjoni u ic cavetta tal futur qeda fiz zaghzagh u Il mixja Il quddiem saret girja wahda f’cirkustanzi kompletament differenti min Tal lum… u nahseb li Il bicciet pn ghadu jhares lura ghax jidher li ghalkemm Il pn dahhal lill Malta fl Ewropa Il partit baqa Barra

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *