Jekk Fearne verament kien jinteressah mis-saħħa mentali tal-mara missu ma għamilx il-miżuri li għamel bl-iskuża tal-Covid19
Minn Marica Micallef
Hu ċar li Robert Abela qed juża l-iskuża tas-saħħa mentali tal-mara biex idaħħal l-abort f’pajjiżna. Flimkien ma’ Fearne, bl-iskuża biex jipproteġu s-saħħa, fosthom dik mentali tal-mara, Abela qed jiftaħ il-bibien għall-abort. Jiġifieri issa f’daqqa waħda qed jimpurtahom dwar is-saħħa mentali, meta din hi taboo f’pajjiżna. Hawn nies li jbatu fis-silenzju minħabba d-dipressjoni, ansjeta’ jew issues oħrajn bla ma jitkellmu.
L-ewwelnett, tistgħu tispjegaw xi tridu tgħidu biha “saħħa mentali”, għaliex din hija frażi ambigwa u tista’ tiġi interpretata b’modi differenti.
It-tieninett, jekk issa f’daqqa waħda tridu tibdew tieħdu ħsieb is-saħħa mentali, għax ma ddurux dawra mal-isptar Monte Carmeli? B’dawra ma jfissirx biss fil-binja, imma fil-modus operandi tiegħu. Għax fil-ftit li ħdimt mal-Caritas, fejn ġieli kienu jqabbduni mmur f’dan l-isptar biex niġbor xi affarijiet ta’ residenti jew saħansitra nġib xi residenta ġdida miegħi, kien biżżejjed. Tistgħu tispjegaw lill-poplu, għaliex qabel jiddaħħlu l-Caritas, in-nisa li għandhom problemi tad-droga, jiġu mitfugħin ġo sezzjoni apposta li tinsab ġewwa l-isptar Monte Carmeli, eżatt f’binja ġdida fuq il-lemin, qabel tidħol ġol-isptar innifsu? Tafu kemm residenti nisa kienu jistħu jgħidu li kienu hemm?
It-tielet, jiġifieri issa l-gvern f’daqqa waħda qed jinteressah mis-saħħa mentali tan-nisa? Wara li għamiltu danni fis-saħħa mentali tan-nisa u anki tal-poplu, inkluż l-anzjani, bil-fares tal-“lockdowns”, kif mexxejtu l-pandemija u bil-pressjoni biex in-nies jieħdu vaċċin esperimentali? Tafu kemm hawn nies qed ibatu minn problemi ta’ saħħa mentali bħalissa minħabba l-problemi ta’ saħħa li ħolqitilhom dan il-vaċċin? Tafu kemm hawn nies qed ibatu minn problemi ta’ saħħa mentali bħalissa minħabba li xi ħadd għażiż għalihom miet għall-għarrieda minħabba din l-istess vaċċin?
Tafu kemm hawn nies qed ibatu minn problemi ta’ saħħa mentali bħalissa minħabba l-inflazzjoni u ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja? Tafu kemm businesses qed jagħlqu? Jew peress il-pagi fenomenali tagħkom, lanqas biss tistgħu tibdew tifhmu x’jiġifieri?
U wara kollox il-mara ma tiġix esposta għal xi perikli tas-saħħa oħrajn waqt it-tqala? Jiena naf nisa li per eżempju joħorġilhom iz-zokkor waqt it-tqala jew jibdew ibatu minn pressjoni għolja.
Mela ejja nibdew inġibu kull skuża u nagħmlu emendi, ħalli nobdu lill-brimba li qed taħdem l-għanqbuta mondjali.
Rarament is-saħħa mentali hija ta’ periklu għall-omm waqt tqala u għalhekk din tista’ tiġi wżata bħala għodda manipulattiva biex tiffaċilita “spurious abortion”.
L–emend, kif proposta mill-gvern, hija difettuża, u miftuħa għall-abbuż għal tal-apposta u għandha tiġi abortita hi flok it-trabi!
