Where your opinion counts

Hu ċar li l-Ambaxxata Amerikana hija wara l-propaganda u l-pressjoni biex l-abort jiddaħħal f’Malta

Qed inġib ritratt fejn fih l-Ambaxxata Amerika qed tonora lil Lara Dimtrijevic għaliex skont l-Ambaxxata Amerikana, din qed taħdem għad-drittijiet tan-nisa. Hu fatt magħruf li Dimitrijevic qed taħdem biex jidħol l-abort f’Malta. Dak li hu interessanti huwa l-fatt li dawk li qed jitkellmu favur l-abort qed jużaw argumenti li normalment jiġu mgħallma f’induction courses li l-Ambaxxata Amerikana tħobb tgħallem meta tkun trid tindaħal u tagħmel pressjoni fuq xi pajjiż jew ieħor.

Id-daħka tinsab li waqt li l-Ambaxxata Amerika trid tindaħal, kif dan ir-ritratt li ppubblikajt f’dan is-sit jipprova fuq l-affarijiet interni ta’ Malta, allaħares xi ħadd li mhux Amerikan jindaħal fl-affarijiet interni tal-Amerika. Immaġina l-ambaxxata Maltija ġewwa l-Istati Uniti tagħmel dawn it-tip ta’ affarijiet li jistgħu jitqiesu li jmorru kontra l-istat Amerikan jew l-interessi tal-gvern Amerikan. Ara kemm kienu jaqbżu l-Amerikani. Imma llum l-ipokrezija Amerikana hija kbira.

Dak li hu interessanti li f’dan ir-ritratt jidher ukoll missier Lara, l-eks-imħallef Philip Sciberras. Dak li hu aktar interessanti huwa l-fatt li Philip Sciberras kien politiku u deputat għall-Partit Laburista fi żmien meta dan il-partit kien jemmen ħafna kontra dak li kien jissejjaħ indħil barrani. Infakkar li din kienet il-politika ta’ Dom Mintoff. Meta kien fil-gvern, Mintoff kien għadda liġijiet speċifiċi kontra dak li kien jissejjaħ indħil barrani. Wieħed jistaqsi jekk dan hux indħil barrani mill-Ambaxxata Amerikana?

Jien ma għandix oġġezzjoni li l-Ambaxxata Amerikana torganizza dawn il-korsijiet jew tuża r-risorsi tagħha f’kampanja biex f’Malta jidħol l-abort. Dak li għandi kontra hija l-ipokrezija tal-gvern Amerikan. Mela fuq naħa għandna l-qtil ta’ Khashoggi. Dan kien ġurnalista li nqatel brutalment ġewwa l-ambaxxata tas-Saudi Arabia fit-Turkija. Ara hemm, il-gvern Amerikan ta’ Joe Biden qed jipproteġi lil gvern tas-Saudi Arabia f’dan id-delitt. Ara hemm l-Amerika qed tuża retorika differenti mir-retorika li l-Amerika u l-istess Ambaxxata Amerikan f’Malta użat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dawn in-nies li jridu jgħallmu d-demokrazija lil ħaddieħor u jafu jkunu dittaturi u agħar mid-dittaturi nnfushom meta jkun hemm l-interessi tagħhom. Għall-inqas id-dittaturi jammettu li huma dittaturi.

L-istess jgħodd għal dawn iċ-ċirkustanzi fejn l-Ambaxxata Amerikana f’Malta ma tiddejqax tindaħal fuq il-politika interna ta’ pajjiżna. Issa għal ċertu Laburisti din il-liġi li kien għadda Mintoff ma għadhiex tajba. Kieku kienet għada tajba, l-eks-imħallef Sciberras, per prinċipju, ma kienx jattendi għal din iċ-ċerimonja. Mela, min kien favur din il-liġi llum spiċċa mar in-naħa l-oħra. Forsi jgħidilna li issa l-ħsieb tiegħu evolva. Ara tiegħi ma evolvix u baqa’ kif kien. Kont inħoss li din il-liġi tal-indħil barrani kienet ħażina meta saret u għandi naħsibha l-istess.

Qed ngħid dan biex il-qarrejja jifhmu sew x’inhu għaddej minn wara f’din il-kwistjoni tal-abort. Warajha hemm aktar milli qed jingħad dwar id-drittijiet tal-mara. Dawk huma l-inqas jew aħjar l-anqas biss jeżistu. Dawk skuża biex jgħattu realtajiet oħra fejn aħna spiċċajna mill-ġdid kolonja bl-aktar mod fin u pulit.

Illum l-Amerikani wasslu biex jibnu l-ekonomija tagħna fuq is-sess, il-ħaxixa, l-abort u l-IVF. Jekk jaqgħu dawn, taqa’ l-ekonomija tagħna! Din hija l-verita’ kollha wara din il-ferneżija kollha biex jiddaħħlu dawn il-liġijiet f’pajjiżna.

One thought on “Hu ċar li l-Ambaxxata Amerikana hija wara l-propaganda u l-pressjoni biex l-abort jiddaħħal f’Malta

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *