Where your opinion counts

Il-“women empowerment” hija daħka fil-wiċċ

Minn Marica Micallef

Għidu li ħa naraw xi nies fuq it-Tell-A-Vision ipinġu din l-emenda tal-abort li jrid idaħħal il-gvern bħala tajba u jżejnuha bħallikieku hi immakulata! Imma issa għandna prova oħra, din id-darba mingħand Lara Dimitrijevic, li dawn l-emendi huma emendi għall-abort. U b’dan il-mod irridu li “we empower women”. Fil-verita’ dan ma hu empowerment xejn.

Imma qabel ma nispjega li dan mhux empowerment, nixtieq ngħid li Lara Dimitrijevic qed tgiddeb lil Robert Abela. Waqt li Abela qed jgħid li din mhix emenda għall-abort, Lara Dimitrijevic taħsibha mod ieħor. Din l-“avukata tan-nisa”, qed tammetti li dawn huma emendi għall-abort li pero` mhumiex biżżejjed! Dan ifisser, li jekk din id-draft law tgħaddi, ibqa’ fiċ-ċert li fil-futur ikun hemm aktar emendi!

Jekk trid taħdem favur in-nisa, bl-iskuża ta’ “empowering women”, għax ma tiftaħx xi akkademja fejn, flimkien ma’ numru ta’ professjonisti oħra, tgħallem lin-nisa kif iħobbu lilhom infushom biżżejjed biex jaslu u jilħqu fejn jixtiequ, bla ma jkollhom bżonn joqtlu tarbija? Jew forsi tgħallem xi liġijiet lin-nisa bil-għan li dawn jiġu armati bl-għodda meħtieġa ħalli jkunu jafu x’għandhom jagħmlu u x’għandhom jgħidu f’każ li qed jiġu abbużati, ibbulljati u ffastidjati? Imbilli noqogħdu nitkellmu fuq il-mikrofonu u ngħaddu l-liġijiet l-ġurnata kollha li mbagħad ma jservu għalxejn, mela kollox għalxejn!

Minflok, b’dak li qed tagħmel, qed iġġib lin-nisa jidhru bħala qisna xi tip ta’ speċi dgħajfa bla poter, meta dan mhux il-każ għax aħna diġa’ nitwieldu b’ “inner power” imma hija s-soċjeta` fażulla b’politiċi maskili li ma jifhmux għakka fuq in-nisa u jagħmlu l-liġijiet huma u jivvintaw din il-gidba.

U għax ma qabżitx għan-nisa li spiċċaw isofru minn problemi ta’ saħħa mentali, waqt il-pandemija, kif juri l-istudju fl-artiklu tal-Malta Independent?

Jew għax ma tagħmilx pressjoni fuq il-gvern ħalli jagħmel pressjoni fuq l-irġiel biex jagħmlu “vasectomy” jew jilbsu condom jew jerfgħu r-responsabbilta’ ta’ tarbija meta jtaqqlu mara billi anki jagħtu sehemhom fit-trobbija taghha, flok kif għallmithom is-soċjeta’ li jmorru għax-xogħol, jiġu, jordnaw tazza te’ u jpoġġu mal-mejda ħalli l-mara tpoġġilhom il-platt fuq il-mejda?

Safrattant, Lara Dimitrejiv ma qabżitx għan-nisa meta l-gvern ħabbar li dawn jistgħu jaċċettaw li jiġu sterilizzati, “for the sake of empowerment and equality” u ħalli n-nisa jistgħu jingħataw l-istess ċans tal-irġiel fejn tidħol karriera! Jew dan hu wkoll turija ta’ “empowerment of women” għal Dimitrijevic!?

X’ipokrita`! Il-verita` hi li skont in-New World Order, “all women will be employed by the state and not allowed to be homemakers”.  Tiftakruh lil Joseph Muscat jgħid li jrid jgħin lin-nisa biex joħorgu fid-dinja tax-xogħol, bl-iskuża tal-ugwaljanza! Qisna magni tal-ekonomija! Jiġifieri jekk mara tiddeċiedi li ma taħdimx u trabbi t-tfal, mhix “empowered” u hi “inferjuri”? Jgħidulna f’wiċċna li aħna “the lesser gender” u n-nisa jċapċpulhom qishom qed jagħmlulhom xi pjaċir! Ma jistax ikollok familji fejn ir-raġel joqgħod id-dar jieħu ħsieb kollox filwaqt li martu toħroġ taħdem, għax hekk ikunu ddeċidew? Ħdejja hawn familja hekk.

Jekk il-gvern irid jagħti d-dritt ta’ sterilizzazzjoni lin-nisa, mela jrid jagħti dan l-istess dritt lill-irġiel! Nifhem li hawn nisa li jispiċċaw fabbrika tat-trabi, imma l-irġiel fejnhom? B’hekk nitilqu fuq l-istess skala ta’ ugwaljanza! Mhux donnu l-irġiel qishom dejjem bandiera bajda!

U din tal-isterilizzazzjoni, mhi qed iddoqqli xejn. Għalissa tidher li għadha tista’ tiġi deċiża minn persuna, bil-buona volonta` tagħha, imma kif qed naraw fl-IVF u fid-draft law ġdida tal-abort, malajr naraw li din il-prattika tal-isterilizzazzjoni bin-naqra n-naqra tibda tinfetaħ għall-użu tal-ewġenika: l-istorja turina kif ċerti nisa emarġinati ġew suġġetti għal sterilizzazzjoni sfurzata, prattika li ġiet iddokumentata f’pajjiżi fl-Amerika ta’ Fuq u t’Isfel, l-Ewropa, l-Asja u l-Afrika. Dawn il-prattiċi ġew immirati lejn nisa li huma ta’ minoranzi etniċi u razzjali, nisa bl-HIV u nisa foqra, bi ftit qrati joħorġu deċiżjonijiet li din l-isterilizzazzjoni sfurzata tan-nisa tikser id-drittijiet tan-nisa. Biex ma nsemmux li din il-prattika tiċħad lin-nisa meqjusa bħala “indenji” mill-abbilta` li jipprokreaw.

L-aġenda hi ċara: l-ewwel indaħħlu l-“emergency contraception”, issa nagħmlu emenda għall-abort u bin-naqra naqra jkollna free for all clinics għall-abort madwar il-gżira!

Għax dan huwa “women empowerment”? Jekk irrid nuża din il-kelma fażulla ta’ “empowerment”, mela li mara ġġorr u jkollha tarbija mhuwiex “empowerment”?

Allura Dimitrijevic b’hekk trid taqbeż għad-drittijiet tan-nisa? Billi tagħtihom id-dritt li joqtlu t-tarbija tagħhom? Taf Dimitrijevic li l-abort iħalli rimors fil-mara li tkun għamlitu, għal dejjem? Taf li hawn nisa li jaqgħu f’dipressjoni wara l-abort? Taf li anki ġisimhom jitħawwad, peress li tqala tkun ġiet imwaqqfa ħesrem?

U taf x’naf ngħid, li meta żmien ilu xi ħadd kien issuġġerieli lil Lara Dimitrijevic biex ningħata parir legali dwar kuntest, qabel ma din ħarġet li hi favur l-abort u ġiet magħrufa għal hekk, u jiena mort għall-parir, kienet qatgħetli fil-qasir u qaltli li l-kuntest ma kontx ha nirbħu kieku niftaħ kawża l-qorti. Snin wara nzertajt kont qed inkellem avukat u l-kliem bħaċ-ċirasa u spjegajtlu x’kien il-kuntest. Niftakar kliemu jgħidli “Le, kieku mexxewk tajjeb, kont tirbaħha” u spjegali b’mod dettaljat.

Jiġifieri Lara Dimitrijevic, li tgħid li taqbeż ghan-nisa, għalija, li jien mara, qatgħetli fil-qasir u ma offrietx l-għajnuna tagħha! Kollox bizzilla jinħadem f’ħajti jien, ħalli mbagħad nuża din il-bizzilla biex nuri lill-poplu l-verita`.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *