Where your opinion counts

F’każ ċar ta’ liġi li tikser il-kostituzzjoni, il-President għandu dmir li ma jiffirmahiex u ma jirreżenjax

Minn esponent legali.

L-abort huwa intervent mediku bl-intenzjoni a priori li jittermina l-ħajja ta’ tarbija fil-ġuf. Il-liġijiet Maltin dejjem għamluha ċara li attentat dirett biex tinqatel it-tarbija huwa illegali, anzi att kriminali.

Il-liġijiet Maltin, kif inhuma miktuba, jesiġu li jsir kull attentat sabiex isir minn kollox sabiex tiġi salvagwardjata kemm il-ħajja tal-omm kif ukoll it-tarbija iżda ma jeskludux li t-tarbija taf tmut b’konsegwenza indiretta minħabba trattament li tkun qed tingħata l-omm. Hawn id-distinzjoni hija netta u l-emfażi kollha hija fuq l-intenzjoni.

Hija sistema li taħdem tajjeb u bil-kif.

M’huwiex ta’ b’xejn li għandna fost l-aqwa tobba f’dan il-qasam u fost l-aqwa jekk mhux l-aqwa rati ta’ soppravivenza kemm tal-omm kif ukoll tat-tarbija. Fl-aħħar tnax-il sena weldu aktar minn 45,000 mara – ħadd minnhom ma miet. Anzi, ħafna trabi li kieku bil-liġi li jrid idaħħal Fearne u l-gvern tagħna, kienu jiġu maqtula, bis-saħħa kemm tal-liġi preżenti kif ukoll tat-tobba għadhom hawn ħajjin magħna llum. L-ebda tabib ma ntefa’ l-ħabs – għax l-ebda tabib ma beda bl-intenzjoni li jeqred it-tarbija.

Din ir-rabta bejn il-liġi u s-servizz li tieħu, ftit nies jaħsbu fuqha. Liġi li toħloq aspettazzjonijiet għoljin toħloq servizz u standards eċċellenti – u liġi li tbaxxi l-aspettazzjonijiet tagħmel eżatt bil-maqlub.

Kif semmejt fl-artiklu ta’ qabel, waħda mill-ewwel effetti li ser jinħassu huwa li eventwalment anqas studenti ser jitħajru biex isiru ġinokoloġisti jew psikjatri għax fost nies f’sensihom, ftit ser ikunu dawk li jridu jidħlu f’qasam fejn jistgħu ikunu serjament esposti għall-inkwiet żejjed u għad-danni – u minflok, jekk miġbudin lejn il-vokazzjoni medika – jagħżlu qasam anqas problematiku – fejn xorta jistgħu jagħmlu l-flus li jixirqilhom u xorta jkunu sodisfatti tal-għajnuna tanġibbli li jagħtu. B’konsegwenza is-saħħa tal-mara tqila tiġi aktar pperikolata għax is-suq jibda’ jattira jew il-cowboys jew barranin li ma sabux xogħol li jirrendi biżżejjed f’pajjiżhom.

Iżda llum ma ridtx nikteb dwar dan – ridt nikteb għalfejn il-President tar-Repubblika għandu għażla oħra quddiemu apparti li jirreżenja kif ħafna qed jassumu.    

Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tiddikjara f’artiklu 33 li:

Ħadd  ma  jista’  jiġi  pprivat  mill-ħajja  tiegħu intenzjonalment ħlief fl-esekuzzjoni tas-sentenza ta’ qorti dwar reat kriminali skont il-liġi ta’ Malta li tiegħu jkun ġie misjub ħati.

L-eċċezzjonijiet li ssemmi l-kostituzzjoni huma dawn:

Mingħajr ħsara għal xi responsabbiltà għal ksur ta’ xi liġi oħra dwar l-użu ta’ forza f’dawk il-każijiet li huma hawnhekk iżjed ’il quddiem imsemmija, persuna ma għandhiex titqies li tkun ġiet ipprivata mill-ħajja tagħha bi ksur ta’ dan l-artikolu jekk tmut b’riżultat tal-użu ta’ forza daqs kemm tkun raġonevolment ġustifikabbli fiċ-ċirkostanzi tal-każ –

(a) fid-difiża ta’ xi persuna minn vjolenza jew fid-difiżata’ proprjetà;

(b) sabiex jiġi effettwat arrest skont il-liġi jew tiġi evitata l-ħarba ta’ persuna detenuta skont il-liġi;

(ċ) sabiex  tiġi megħluba rewwixta, insurrezzjoni jew ammutinament; jew

(d) sabiex jiġi evitat l-egħmil minn dik il-persuna ta’ reat kriminali, jew jekk tmut minħabba att leġittimu ta’ gwerra.

Advertisements

Imkien ma tissemma’ li persuna tista’ tiġi intenzjonalment maqtula għar-raġunijet ta’ ‘saħħa mentali tal-omm, qagħda mill-aktar suġġettiva, kif qed jipproponi dan il-gvern.

Tassew il-kostituzzjoni ta’ Malta ma tiddefenix fejn tibda’ l-ħajja – iżda m’għandhiex għalfejn lanqas – għax il-liġijiet tagħna kollha jassumu li l-ħajja tibda’ mill-konċepiment. Li dan ma kienx minnu ma kienx ikollna liġijiet fost l-oħrajn bħalma hi dik għall-protezzjoni tal-embrijun li dan il-gvern stess tant abbużaha!.

Huwa proprjament għax nafu li l-abort jmur kontra l-kostituzzjoni – li l-gvern tagħna qed jipprova jqarraq – u jgħaddih mit-tieqa minflok mill-bieb għax li kieku jipprova jdaħħal l-abort bla tlaqlieq, anki li kieku iwiegħdu f’manifest elettorali ma jistax – l-ewwel trid tinbidel il-kostituzzjoni bħalma sar fl-Irlanda, u minkejja l-maġġoranza kbira li għandu fil-parlament, il-gvern m’għandux id- 2/3 li jkollu bżonn biex jibdel il-kostituzzjoni – u jekk jipprova jressaq l-emendi b’dan il-għan għal referendum – jaf diġa’ li jitilfu, saħansitra ħafna u ħafna Laburisti jivvotaw kontra mhux biss għax huma fuq kollox favur il-ħajja, iżda għax ma jridux klikka fil-poter li tieħodhom ‘forgranted’, partikularment fuq kwistjoni li ħadd ma talabhom l-opinjoni tagħhom. Huwa għalhekk li dawn l-emendi proposti huma mezz biex iduru mal-kostituzzjoni, u qed jitressqu b’mod mill-aktar qarrieqi. Tinsewx x’qalilna Fearne biex jitmejjel bina – li dawn huma emendi ‘Favur il-ħajja’ – dik ma qalhiex sempliċiment biex jgħaddi n-nies bi żmien – kien qed jaħseb ukoll fil-kostituzzjoni.

Issa l-President qiegħed hemm sabiex jiddefendi l-kostituzzjoni kontra l-abbużi tal-istat u minkejja li fuq il-karta, l-uffiċju tiegħu jidher li m’għandux poter eżekuttiv – fil-prattika, jekk liġi hija kjarament kontra l-kostituzzjoni għandu saħħa kbira.

Jista’ u għandu d-dritt jekk jagħżel ma jiffirmax, ma jirriżenjax u jirreferi l-liġi lejn il-qrati kostituzzjonali – u b’hekk joħloq kriżi kostituzzjonali. Anzi mhux talli jista’ – iżda f’każ ċar ta’ ksur tal-kostituzzjoni bħal dan għandu d-dover.

Il-pożizzjoni tal-President attwali dwar l-abort nafuha, u bħala bniedem mediku jaf eżatt x’inhu abort u x’mhux – għamilha ċara diversi drabi – diġà ma ffrimax liġi li ppermettiet emendi fil-liġi li suppost kellha tipproteġi l-embrijun u minflok qed nużawha għall-prattiċi ewġeniċi, billi rranġa biex ikun imsiefer meta din tgħaddi mill-parlament. Kważi ċert li ma riedx ‘imut’ f’dik il-battalja għax kien jaf diġa’ li ġejja battalja akbar.   

Advertisements

Din id-darba ninsab kważi totalment ċert li mhux ser jagħżel l-istess arranġament u l-għażliet tiegħu huma tnejn – jew jirreżenja u b’hekk imbagħad huwa għaċ-ċittadin li jisfida din il-liġi fil-qrati kostituzzjonali jew ma jiffirmahiex u jibqa’ hemm. Jekk jiġri hekk, tinħoloq kriżi kostituzzjonali.

L-Eċċ. Tiegħu George Vella qatt ma fittex li jsir president, aċċetta biss b’sens kbir ta’ dover. Li kien għalih kien ikun aħjar li kien ikun miġbur f’daru fiż-Żejtun ma’ familtu u mal-kotba li tant iħobb milli jinsab priġunier f’palazz indurat u jattendi l-laqgħat minn filgħodu sa filgħaxija.

Lil fejn ser jiġbed? It-tmiem tat-termini tiegħu riesaq fil-qrib u għalhekk ma tkunx sorpriża li jirreżenja darba għall-dejjem mix-xena pubblika però ma nistgħux neskludu min-naħa l-oħra li s-sens ta’ dover li dejjem qanqlu f’ħajtu biex jieħu ċerti deċiżjonijiet iebsa kontra qalbu, jġiegħluh għal darba oħra jagħmel dak li ma jixtieqx iżda li jħoss li huwa ġust. Min jitwieled tond ma jmutx kwadru. Bil-kuntrarju ta’ ħafna politikanti oħra, naf biċ-ċert li l-ġurament li ħa fuq il-kurċifiss ħadu bl-akbar serjetà. Ma neskludix allura li r-rigal aħħari ta’ dan il-President ikun li jibgħat liġi li jħoss li hija anti-kostituzzjonali lura lill-Parlament billi ma jiffirmahiex.

Hija tassew ħassra li l-Maltin ma jifhmux l-importanza tal-Kostituzzjoni, li ma jifhmux li dik ‘il-biċċa karta’ – hija t-tarka aħħarija kontra l-abbużi tal-istat. Dik il-biċċa karta mhux talli tiddefenixxi d-drittijiet tal-poplu iżda aktar importanti hija l-liġi fuq kull liġi oħra li tillimita l-poteri tal-istat – u għalhekk għall-kull repubblika hija l-liġi li tipproteġiha milli ssir tiranija. F’dan il-każ, il-President tar-Repubblika huwa l-garanti aħħari ta’ dik il-liġi.

Il-President jaf sew xi tfisser il-kostituzzjoni. Id-deliberazzjonijiet li jrid iqis f’moħħu m’humiex biss f’termini ta’ din il-liġi fl-iżolazzjoni tagħha imma dwar l-implikazzjonijiet tagħha. Jekk il-President jiffirma liġi li hija anti-kostituzzjonali jkun qed jimmina l-istess kostituzzjoni li hu garanti tagħha. Meta tiġi mminata l-kostituzzjoni ta’ Malta tkun qed tiġi mminata d-demokrazija ta’ pajjiżna.

Għalhekk l-futur tagħna lkoll jiddependi mill-fatt li d-demokrazija ma tkomplix tiġi mnaqqra b’liġijiet li jmorru kontra l-istess kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *