Din l-emenda favur l-abort ser tesponi il-psikjatri u t-tobba għad-danni fil-futur?

Minn esponent legali

Waqt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet riċentament, il-ministru tas-saħħa, Chris Fearne, eskluda milli jneħħi s-saħħa mentali bħala raġuni li persuna biha tista’ titlob li jsir l-abort.

Issa, apparti l-insulti arroganti tiegħu lejn l-intelliġenza tal-poplu, bħalma kienu d-dikjarazzjonijiet tiegħu li “l-abort ser jibqa’ illegali” (l-abort huwa intervent mediku bl-intenzjoni ċara u diretta li joqtol it-tarbija) u li dawn l-emendi “huma miżuri favur il-ħajja” jew mingħalih ir-rikatt morali li “min hu kontra dawn l-emendi huwa favur l-imwiet tal-ommijiet”, ir-risposta tiegħu ma kenitx sorpriża, għax il-kwistjoni kollha li ser twessa’ t-tieqa li minnha s-sur Fearne u l-interessi moħbija li qed jirrappreżenta jridu jikkummerċaliżżaw l-abort, mingħajr ma jitlob il-kunsens tal-poplu, tirrivolvi dwar l-ambigwità dwar xi tfisser eżatt raġuni ta’ saħħa mentali.

Il-mard fiżiku huwa oġġettiv. M’hemmx wisq lok għal dibattitu jekk mara għandhiex kankru jew hix fil-periklu li tmut. 99% tal-ispeċjalisti ser jaslu għall-istess konklużjonijiet meta huma kkonfrontati bl-istess sett ta’ fatti. Iżda kwistjonijiet ta’ saħħa mentali huma ferm iżjed suġġettivi u huwa ferm iżjed diffiċli sabiex saħansitra speċjalist jikkonkludi jekk xi ħadd hux verament ġenwin f’dak li qed jistqarr jew hux qed jippretendi u biex id-dijaġnożi issir sew il-pazjent irid jiġi osservat fuq perjodu estensiv ta’ ħin.

Minn riċerka li għamilt u minn tweġibiet mingħand nies li jaħdmu f’dan il-qasam – kollox jindika li huwa diffiċli ferm li tiddistingwixxi bejn każ ġenwin u dak falz.

Allura – apparti l-lok ta’ abbuż rampanti li jista’ jseħħ minn dawk li jistqarru li għandhom problemi ta’ saħħa mentali sabiex jagħmlu abort (kif isir barra minn Malta), bilfors jiġuni ħafna mistoqsijiet oħra f’moħħi – saħansitra jekk il-pazjent ikun ġenwin jew le.

L-ewwel mistoqsija li tieġħi hija din: kull pazjent li jrid jgħaddi minn intervent mediku jrid jagħti l-kunsens tiegħu. Allura kif ser jiġi ddeterminat f’qasir żmien li l-pazjent huwa ġenwin jew le meta qed nitkellmu fuq mard mentali?

It-tieni: Jekk huwa ġenwin, jista’ xi ħadd li għandu kundizzjoni ta’ saħħa mentali jagħti kunsens infurmat waħdu?

Il-liġi dwar is-saħħa mentali ta’ 2011 tagħtina xi ftit risposti – tgħidilna li kull pazjent irid jagħti l-kunsens tiegħu għall-kwalunkwe intervent mediku (sakemm mhux każ ta’ periklu imminenti – ngħidu aħna atteġġjament suwiċidjali – li hija l-aktar ħaġa abbużata fejn għandu x’jaqsam bħala skuża biex tagħmel abort) – u dak il-kunsens biex jgħodd irid jiġi kkonfermat minn speċjalista (psikjatra jew tabib) sabiex jikkonferma jekk il-pazjent hux f’qagħda li jagħti kunsens jew le.  

Ejja nassumu li xi speċjalistà (li Robert Abela ma damx biex jitfa’ r-responsabbiltà kollha fuqhom) taħt pressjoni li f’qasir żmien irid jagħmel ġudizzju biex jasal għall-konklużjoni li l-kunsens jgħodd – u wara sentejn xi omm tiftaħlu kawża l-qorti għax issa qed tgħid li hu messu qatt ma ta l-kunsens tiegħu li hi kienet f’pożizzjoni li tagħti kunsens, għax kienet taħt pressjoni minn żewġha biex tagħmel abort – x’ser jagħmel? Il-Gvern ħasel idu. Qalilna li fl-opinjoni tiegħu jafda l-ġudizzju tal-ispeċjalisti. Mela r-responsabbiltà hawn ser taqa’ kollha fuqhom u f’każijiet li huma suġġettivi u fejn l-analiżi trid issir f’qasir żmien il-gvern poġġihom f’dak li bl-Ingliż ngħidulhu ‘double jeopardy‘. L-ewwel jgħaddi liġi li ser tobblighom jagħmlu analiżi f’qasir żmien bil-potenzjal li jiżbaljaw u fl-istess waqt qed jimponi fuqhom, il-konsegwenzi kif qal Robert Abela jridu jġarrbuhom huma.

Tafu x’ser jiġri ‘l quddiem? Sempliċi. In-nies li jridu jistudjaw bħala ġinoloġisti jew psikjatri ser jonqsu bil-kbir – għax min irid jidħol f’dan l-inkwiet? Mhux aħjar issir speċjalista tal-widnejn jew tal-għajnejn milli possibbilment jkollok x’taqsam ma’ baħar ta’ problemi bla tmiem? Problemi fejn int tiġi mfittex personalment għall-ġudizzju li l-gvern impona fuqek biex tagħmlu fi ftit waqtiet? Inkella nippruvaw insolvu l-kunfużjoni kollha billi nagħmlu kif għamilna fid-divorzju u niftħu kollox beraħ. F’dan il-każ, ngħidu li din kienet qed tintuża għall-abort u aħjar ma nibqgħux ipokriti u neħħu mill-liġi kull ristrizzjoni kontra l-abort.

U hawn tiġini mistoqsija oħra. L-isptarijiet suppost Maltin, jew irreġistrati Malta, ser jaċċettaw rikkommandazzjonijiet minn tobba u psikjatri barranin, għal pazjenti li b’kumbinazzjoni kbira jinżertaw Malta fuq btala li f’salt wieħed ikollhom bżonn jagħmlu abort minħabba raġunijiet ta’ ‘saħħa mentali’? Jew sibna suq ieħor. Kif qal tajjeb Adrian Delia, qed ikun ikkreat suq li jirrendi. Dan hu suq ieħor fejn indawru lira anki jekk hu akkost li noqtlu, li nsiru ċentru ‘turistku’ tal-mewt għal min lanqas f’pajjiżu ma jsib min irid ikun il-bojja.

Meta tifli dan kollu – tara kemm għandna liġi tajba – liġi taħdem u li permezz tagħha sakemm nista’ niftakar jien l-ebda omm ma mietet u fejn kulmin għamel xogħlu b’responsabbiltà ma kellux għalfejn jibża’ minn konsegwenzi li ser noħolqu.

Għalhekk ma kien hemm l-ebda raġuni għalfejn din il-liġi tiġi emendata. Min irid jilgħab magħha sinjal li għandu raġunijiet ulterjuri.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *