“Mhux il-liġijiet tal-bniedem jew il-proposti tal-bniedem li jibdlu l-qlub u jwaqqfu l-ħażen iżda l-biża’ t’Alla”: – John Spiteri Gingell.

Qiegħed inġib post li tella’ John Spiteri Gingell fuq il-Facebook page tiegħu li fiha jitkellem dwar l-aġenda totalment żbaljata ta’ dawk li jridu pieni aktar ħorox relatati mal-ġeneru. Kif jgħid tant tajjeb Spiteri Gingell, aktar pieni milli hemm ħadd ma tistax tagħmel ħlief dik li tiddaħħal il-piena kapitali – kunċett li assulutament jien ma naqbilx miegħu. Mela dawk li qed jitolbu għall-aktar pieni ħorox ma jafux x’inhuma jitolbu.

Infakkar li qabel ma għaddew il-liġi tad-divorzju kienu qalulna li hawn f’Malta hawn il-femmiċidji u swat fuq in-nisa għaliex ma hawnx divorzju. Daħħalna d-divorzju. Tajjeb. Minflok naqsu, l-femmiċidji żdiedu. Issa daħħalna l-liġi tal-femmiċidju u qalulna li din ser ġġib fix-xejn il-femmiċidji u ġara bil-maqlub. Issa qed jgħidu li din il-misoġenija kontra n-nisa ġejja minn persuni bħali li qed jagħtu dritt biex wieħed isemma’ leħnu jew xi ħadd bħal Adrian Delia għaliex qed jitkellem favur it-tarbija – li tista’ tkun tifel jew tifla – fil-ġuf!

Dan hu dak li kiteb John Spiteri Gingell bi tweġiba għal dan kollu:

Xi jridu eżatt? Pieni differenti skont il-ġeneru? Ma jarawx li kwalunkwe piena ibbażżata fuq is-suġġettiv taqleb kull prinċipju ta’ ġustizzja ta’ taħt fuq? Il-ġustizzja m’għandhiex suppost tkun l-istess irrespettivament mir-razza, sess, kulur jew kredu? Li kienu serji – almenu kienu jipproponu d-dħul mill-ġdid tal-piena kapitali għal kull min jagħżel li joqtol b’mod primeditat irrispettivament mis-sess tal-vittma, imma kos, ix-xellug (ibda mill-Graffiti) dejjem qalulna li l-piena kapitali ma taħdimx ta’ deterrent (avolja mhux dak l-iskop ewlieni tagħha) u jaħilfu li hemm ruxmata studji li jikkonfermaw dan. Jgħidulna li lanqas din l-aktar piena severa li jista’ jagħti kwalunkwe stat – ma twaqqaf lil ħadd jekk għandu intenzjoni li joqtol. Allura nerġa ngħid xi jridu eżatt nies bħal Lara Dimitrijevic? – li jibku biki tal-kukkudrilli ma’ kull opportunita’ sabiex jagħmlu gwadann mill-miżerja ta’ ħaddieħor? U tinsewx li din hi mara li ma tiddejjaq xejn li jsir il-femmiċidju – sakemm dan iseħħ fil-ġuf mhux mal-qattiela tafux iżda mal-aktar innoċenti. Jekk l-ebda piena tal-bniedem skont ix-xellug ma twaqqaf il-bniedem ta’ qalb iebsa milli jaħsibha darbtejn jew aktar qabel ma jikkommetti omiċidju deliberat – allura x’jista’ jsir? Xejn – għax mhux il-liġijiet tal-bniedem jew il-proposti tal-bniedem li jibdlu l-qlub u jwaqqfu l-ħazen iżda l-biża’ t’Alla. U sakemm nies bħal Dimitrijevic, l-graffiti, il-politikanti u s-soċjetà ma terġa’ tagħraf dan jistgħu jdumu jipprotestaw u jibku l-biki tal-kukkudrilli għax mhux talli ma jinbidel xejn iżda ngħidilkom bil-quddiem li għadna ma rajna xejn.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *