Where your opinion counts

Pro Malta Christiana tiddiżassoċja ruħha mill-emenda legali proposta minn akkademiċi u esperti oħra

F'isem is-soċjeta' Pro Malta Christiana, il-president tagħha, Philip Beattie ħareġ stqarrija fejn fiha wera li s-soċjeta', li tagħha hu l-president, qed tiddiżassoċja ruħha mal-proposta li ħarġu numru ta' akkademiċi, tobba u persuni oħra biex din il-proposta tieħu post l-emenda li jrid iressaq il-gvern biex biha jdaħħal l-abort f'pajjiżna. 

Fl-istqarrija tiegħu, il-President Philip Beattie fakkar li s-Soċjeta' Maltija għaċ-Ċiviltà Nisranija - Pro Malta Christiana, hija assoċjazzjoni ċivika u kulturali ta' ispirazzjoni Kattolika. Hu stqarr li din is-soċjeta' qed tiddistakkat ruħha mill-emenda legali proposta minn dan il-grupp ta' akkademiċi u esperti oħra, fid-dawl tal-fatt li din l-emenda ma tipprovdix is-salvagwardji meħtieġa għal tarbija fil-ġuf waqt tqala diffiċli.

Beattie fakkar li l-emenda għall-Kodiċi Kriminali li dawn l-esperti qed jipproponu lill-Gvern tgħid dan li ġej:

Ebda rejat ma jsir taħt l-artikolu 241(2) jew l-artikolu 243 meta l-mewt jew ħsara lill-ġisem ta’ tarbija fil-ġuf tirriżulta minn intervent mediku imwettaq bil-għan li ssalva l-ħajja tal-omm fejn hemm riskju reali u sostanzjali ta’ telf tal-ħajja tal-omm minn mard fiżiku.”

Wara analiżi kritika tal-Position Paper proposta minn dawn l-esperti, Is-Soċjeta Pro-Malta Christiana tgħid li din l-emenda ta’ dawn l-esperti tqajjem mistoqsijiet serji, bħal:

  • Il-frażi użata li “intervent mediku imwettaq bil-għan li ssalva l-ħajja tal-omm” tista’ tiġi interpretata legalment li tfisser l-istess ħaġa bħala “terminazzjoni ta’ tqala” li huma l-kliem użati mill-emenda proposta mill-Gvern, fi kliem ieħor, abort.
  • Il-fatt li din l-emenda ma tagħmel l-ebda distinzjoni legali bejn intervent mediku li deliberatament joqtol tarbija u wieħed li jista’ jwassal biss indirettament għall-mewt ta’ tarbija huwa sors ċar ta’ tħassib serju.
  • L-emenda tal-“esperti” tista’ tintuża faċilment mill-Gvern biex jissanzjona l-abort peress li tista’ tiġi interpretata legalment f’dan is-sens.
  • L-emenda proposta tal-esperti imkien ma tinkludi xi premessa inizjali jew “caveat” li għandu jsir kull sforz umanament possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet kemm tal-omm kif ukoll tat-tarbija.

Barra minn hekk, il-qari tal-Position Paper ta’ dawn “l-esperti” juri li huma stess qegħdin jgħidu li: “L-ewwel u qabel kollox, il-grupp interdixxiplinarju jqis li kif inhi l-liġi illum, id-dritt għall-ħajja tal-omm huwa mħares sew meta tkun tqala tikkawża kundizzjoni ta’ theddida għall-ħajja;” (paġna 4).  Allura ġaladarba li dawn l-“esperti” nfushom jiddikjaraw bil-miktub li l-liġi hija tajba jfisser li m’hemmx bżonn ta’ xi emendi legali ġodda għall-Kodiċi Kriminali. Mela għala qed jikkontradixxu lilhom infushom billi jipproponu emenda legali meta din l-istess emenda qed titqies minnhom stess li mhix meħtieġa?

L-istess dokument maħruġ minn dawn esperti jgħid ukoll li “…issa rriżulta li fil-każ sfortunat ta’ Prudente, li hija l-ġustifikazzjoni għall-preżentazzjoni ta’ dan l-abbozz ta’ liġi, l-awtoritajiet tas-Saħħa tal-Gvern issa kkonfermaw li s-Sinjura Prudente qatt ma kienet fil-periklu li titlef ħajjitha…” (pagna 4).

Tajjeb! mela dawn l-esperti jikkonfermaw li l-każ Prudente qed jintuża bħala skuża biex jiddaħħal l-abort f’Malta, u mbagħad fl-istess ħin jipproponu emenda legali li fil-fatt tħalli l-bieb miftuħ għall-abort minħabba l-kliem vag tagħha. It-tip ta’ kliem użat legalment jista’ jkun miftuħ għal aktar minn interpretazzjoni waħda.  Affarijiet li ma jitwemmnux kompliet tgħid l-istqarrija tal-Pro-Malta Christiana.

Din l-assoċjazzjoni tfakkar li d-dokument ta’ dawn l-esperti jgħid li l-emenda proposta minnhom għandha tinftiehem fis-sens li sitwazzjonijiet li ma jheddux il-ħajja għall-omm m’għandhomx jiġu inklużi fl-emenda li qegħdin jipproponu.  Jekk dan huwa l-każ, għaliex l-emenda li jipproponu ma telenkax il-każijiet ta’ sitwazzjonijiet li ma jheddux il-ħajja?

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, Pro Malta Christiana tqis li ‘l hekk imsejħa emenda “favur il-ħajja” ta’ dawn l-esperti m’hi favur il-ħajja xejn, u tesponi b’mod ċar li t-tarbija fil-ġuf tista’ tiġi maqtula permezz tal-abort.  Hemm rikors legali wieħed biss fid-dawl tal-emenda li qed tiġi proposta mill-gvern: żarmaha kompletament temmet tgħid l-istqarrija tal-Għaqda Pro-Malta Christiana!

3 thoughts on “Pro Malta Christiana tiddiżassoċja ruħha mill-emenda legali proposta minn akkademiċi u esperti oħra

  1. L istorja ta Prudente kienet mahsuba u minsuga tajjeb bi ftehim ma persuni u nemmen li Anki finanzi kienu jizfnu fin nofs, biex tkun skuza tajba biex jinbuttaw l abort go Malta.

Leave a Reply to Maria Busuttil Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *