Mario Mallia jiddeskrivi d-diskorsi kontra l-abort bħala mxajtan

L-emenda li jrid idaħħal il-gvern Laburista ġabet diskussjoni fil-pajjiż. Ħafna qed jarawha bħala pass biex jiddaħħal l-abort f’Malta. Kif Edwin Vassallo wera tant tajjeb f’artiklu li kiteb għal dan is-sit illum, dawk li huma favur din l-emenda tal-gvern huma wkoll favur l-abort.

Wieħed minn dawk li fil-jiem li għaddew għadda kumment marbut ma’ din id-diskussjoni fuq l-abort hu l-eks-Surmast ta’ St. Albert, Mario Mallia. Hu ddiskriva d-diskussjoni kontra l-abort bħala waħda mxajtna. Kumment bħal dan jikkonferma l-analiżi ta’ Edwin Vassallo, jiġifieri li dawk favur din l-emenda – anki jekk mhux simpatizzanti tal-gvern – huma favur l-abort.

Jien nemmen li Mallia għandu dritt għall-opinjoni tiegħu u mhux qed nsemmih biex nikkritika din l-opinjoni tiegħu. L-anqas irrid nikkumenta fuq id-diskussjoni li għaddejja fuq l-abort, imma ser nikkummenta fuq xi ħaġa biex nuri kemm dawn il-liġijiet progressivi li għaddejna f’pajjiżna huma ħżiena.

Mela jekk persuna tgħid li l-gayyagni hija djabolika jew mxajtna jinfetħu bibien is-sema u l-ġurnalisti liberali jagħmlu festa. Imma jekk l-istess diskors jintuża għall-aġendi liberali, hemmhekk kollox sew! Hemmhekk ma jsir l-ebda fuss.

Qed ngħid dan mhux biex nibda xi kruċjata kontra Mallia imma biex inkompli nuri kemm kienet ħażina l-motivazzjoni tal-ġurnalisti liberali kontra Fr. David Muscat. Infakkar li f’diskursata twila ma’ xi ħadd marbuta ma’ dak li għamel Abner Aquilina, Muscat kien qal li l-gayyaġni hija agħar minn possessjoni. Bħallikieku, il-kelma possessjoni mhix l-istess bħal kelma djabolika jew mxajtna!

Hu ċar li dawn il-liġijiet progressivi li għaddejna f’pajjiżna saru biss biex toħonqu l-liberta’ tal-espressjoni tan-nies, speċjalment ta’ dawk ta’ ħsieb konservattiv. Jekk hemm punt kardinali fil-ħsieb konservattiv dan huwa dak tal-liberta’ tal-espressjoni. Għall-konservattivi, dan għandu jkun iggarantit lill-kulħadd, kemm lil dawk favur xi pożizzjoni u kemm lil dawk kontra din l-istess pożizzjoni.

Fuq kollox, kemm id-diskussjoni marbuta mal-abort u kemm dik marbut mal-ġeneru jitilqgħu mill-istess għeruq. Kif wera tant tajjeb il-ħassieb kbir Franċiż Michel Foucault, dawn jaqgħu taħt id-diskussjoni ta’ bio-power. Qed ngħid dan biex ħadd ma jikteb li d-diskors fuq l-gayyaġni u dak fuq l-abort huwa differenti. Dawn jaqgħu taħt l-istess matriċi ta’ ħsieb għaliex it-tnejn huma marbuta mas-sesswalita’ tal-bniedem.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *