Dawk li huma favur din l-emenda tal-gvern huwa wkoll favur l-abort

Minn Edwin Vassallo

Dan is-sit ġa kellu ċ-ċans juri li l-kas ta’ Prudente huwa biss skuża. Issa nafu li l-avukat tal-istat stqarr fil-qorti li għandu xhieda li turi li qatt din il-mara ma kienet fil-periklu tal-mewt. Din l-informazzjoni qatt ma ġiet miċħuda mill-gvern. Imma dan il-każ intuża mill-Prim Ministru biex jiġġustifika l-emenda li jrid idaħħal fil-liġi. Għalhekk il-gvern qed juża din l-emenda biex joħloq eċċezzjoni ħalli mbagħad din l-eċċezzjoni issir regola.

Għalhekk l-Oppożizzjoni hija fid-dmir li tfiehem lill-poplu li din l-emenda hija falza. Dak li ħadd ma hu qed jgħid huwa li dawk li qed jaqblu ma’ din l-emenda ssibhom li qed jaqblu mal-abort. Hawn mhux qed nitkellem dwar dak li jiddefendu dejjem lill-gvern f’kull ma jagħmel. Hawn qed insemmi persuni li jista’ ma jaqblux f’kollox mal-gvern imma qed jaqblu ma’ din l-emenda għaliex qed jaraw fiha li jintlaħaq l-għan tagħhom, jiġifieri li l-abort jiddaħħal f’pajjiżna. Dan jippruva kemm huwa veru li din l-emenda ma hix favur il-ħajja.

Infakkar li din hija emenda ta’ eċċezzjoni għal-liġi kriminali maħsuba apposta biex tiġġustifika l-abort. Fuq kollox, dan hu dak li jfisser il-kliem “it-twaqqif ta’ tqala”.  Dan jissejjaħ ewfemiżmu maħsub biex il-poplu jaċċetta l-abort għaliex qed ikun deskritt bħala mhux abort. L-emfasi qiegħed issir fuq l-omm ħalli l-poplu ma jarahx x’hemm verament moħbi wara emenda bħal din.

Infakkar fil-kliem li l-istess Prim Ministru Abela u l-Ministru Fearne użaw biex idaħħlu din l-emenda. Qed isejħulha proċedura meta qegħdin jirreferu għall-qtil ta’ tarbija. Bl-uża ta’ dan il-lingwaġġ legali ġabu t-tmiem tal-ħajja ta’ tarbija qiesu proċedura li tista’ jsir qiesu xejn ma hu xejn.

Illum qegħdin ngħixu f’sitwazzjoni fejn il-gideb ta’ dan il-gvern isir verita’ għaliex jgħidu l-prim ministru. Għalhekk, meta l-Oppożizzjoni taqbel mal-gvern fuq din l-emenda jew tressaq xi emenda alternattiva, tkun qed tillegittimizza l-gideb tal-Prim Ministru u tagħmlu jidher bħala verita’.

Jekk il-Prim Ministru jrid idaħħal l-abort għandu jgħidha ċara u jgħid li hu favur l-abort ħalli mbagħad kulħadd jiġġudika dak l-għemil kif fil-verita’ hu. Imma d-disonesta tinsab fil-fatt li l-Prim Ministru jrid l-abort u qed jgħid li dak li qed jagħmel huwa proċedura favur il-ħajja.  

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *