Id-disonesta’ tal-politiċi dwar l-abort

Minn Edwin Vassallo

F’dan il-blogg irrid nitkellem dwar id-diżonesta tal-Prim Ministru Robert Abela għaliex quddiem il-poplu rajnieh jagħmel argumenti legali mod u mbagħad jġib ruħu mod ieħor.  Dan giddeb lilu nnifsu meta beda jgħid u jsostni kemm huwa kontra l-abort filwaqt li legalment ressaq emendi legali li jwasslu għall-istess proċedura tal-qtil ta’ trabi fil-ġuf.

Jekk xejn, kien l-istess ġurnalista ta’ The Times of Malta li kixef l-inkonsistenza ta’ dan il-politiku waqt intervista’ li kellu ma’ Abela.  Wara ftit tal-ġranet kellna konferenza stampa minn tliet ministri tal-gvern. Konferenza stampa maħsuba biex lill-poplu Malti u speċjalment lill min hu Laburist tgħidlu x’għandu jemmen u kif għandu jaħseb. F’din il-konferenza stampa, il-Ministru Fearne qal lill-poplu Malti li dawn l-emendi “huma emendi favur l-Ħajja“.

Din mhix tattika ġdida.  Smajnieha diġa’ fil-Parlament meta kemm il-Gvern, kif ukoll l-Oppożizzjoni jaqblu fuq liġijiet liberali li qed jgħaddi. Kien biss għajr għall-tliet deputati, li jiddispjaċini ngħid l-istess media tal-Knisja ma tantx hi favur tagħhom, li tkellmu kontra dawn l-emendi, għaliex huma bħali mitqiesha bħala dinosawri.

Infakkar li kemm il-Gvern u l-Oppożizzjoni (minn barra dawn it-tliet deputati) kienu vvuttaw favur dawn l-emendi fil-proċeduri tal-liġi dwar IVF u meta vvutaw favur dawn l-emendi marru qalu hekk għaliex huma kienu favur il-ħajja. Li tagħżel min jgħix u min imur fil-friża f’dan il-pajjiż ġa hija xi ħaġa li għandha tqabbdek il-bard. Kellna politiċi li riedu jfissru li din hija proċedura favur il-ħajja.

Issa din is-sitwazzjoni qegħdin nerġgħu nisimgħuha f’dan id-dibattitu biex l-abort jidħol f’pajjiżna. Bdejna nbellgħu r-ross bil-labra. Iżda hawn għadna ross ħażin.  Kif qatt jista’ jkun li emendi li jwasslu għall-mewt ta’ tarbija fil-ġuf jispiċċaw jkunu deskritti bħala “emendi favur il-ħajja“?  Kif qatt jista’ jkun li emendi li legalment ma kienx hemm bżonnhom, ngħidulhom emendi favur il-ħajja meta huwa ċar aktar mill-kristall li dawn l-emendi huma biss riżultat ta’ konsultazzjoni li l-gvern għamel ma’ ċertu tobba favur l-abort?

Kif jista’ jkun qatt li dawn huma emendi favur il-ħajja, meta dawn l-emendi qed ineħħu l-unika deterrent legali, l-erba’ snin ħabs għall-omm jew għat-tabib li jwettqu qtil ta’ tarbija fil-ġuf, jiġifieri l-abort, iżda issa ivvintajna l-istorja li ser ikun qed issir biss fil-każ ta’ sitwazzjoni gravi għas-saħħa tal-omm, meta f’pajjiżna qatt ma kellna każ li fih tlifna omm waqt tqala?

Kif jista’ jkun li dawn huma emendi favur il-ħajja, meta issa dawn l-emendi ser jwasslu biex skont x’nafu s’ issa minn dak kollu li qalu l-ministri, dawn l-emendi huma maħsuba biex isalvaw l-omm f’ċirkustanza ta’ gravita li l-istess emenda tal-gvern tonqos milli tispjega meta u fihx tista’ tikkonsisti din is-sitwazzjoni ta’ gravita’ fit- tqala?

Wieħed jintebaħ li quddiemna għandna politiċi li jiġi jaqggħu u jqumu mid-diċenza, mill-onesta’ u jmorru quddiem il-poplu u jgħidulu li jridu għaliex jafu li l-poplu jemmen gidba.  Għandna politiċi li jgħidu lill-poplu diżonesta legali u l-poplu jemminha.

Illum il-gwerra li toqtol tarbija saret qaddisa. 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *