Il-kap tal-Oppożizzjoni qiegħed jirriskja li l-kelma tiegħu tiġi ma tiswa xejn

Minn osservatur politiku

L-Oppożizzjoni permezz ta’ Bernard Grech kienet tat il-kunsens tagħha fuq iż-żewġ ismijiet imressqa mill-Prim Ministru għall-post ta’ Ombudsman u Kummissarju tal-Istandards. Issa sirna nafu li Bernard Grech ma kienx qabel biss ma liema pożizzjoni kull wieħed minnhom kellu jieħu imma l-ismijiet kienu aċċettabbli għalih. Tant ma kienx hemm oġġezzjoni fuq l-ismijiet li Dr Grech qal lill-Prim Ministru li hu seta’ jgħix mal-ismijiet imsemmija.

Mela l-Prim Ministru kien fehem li kien hemm qbil konfermat. Imma ma tantx għadda ħin li Dr Bernard Grech ma biddilx il-pożizzjoni tiegħu. Sab diffikulta fuq isem minnhom. Għaliex ġara dan? Tidher ovvja li meta mar lura jitkellem ma sħabu fil-Partit Nazzjonalista dawn ma qablux miegħu u sabu skużi biex ma jaċċettawx wieħed miż-żewġ ismijiet. Allura Bernard Grech kellu jdoqq l-irtirata fuq dan l-isem partikulari.

Dan huwa logħob tat-tfal. Mela ma hemmx saħħa fil-kelma tal-kap tal-Oppożizzjoni. Mela l-kelma tiegħu ma tiswa xejn ma’ sħabu fil-Partit Nazzjonalista. Għaliex l-ewwel il-kunjom Azzopardi kien aċċettabbli u ftit wara ma baqax?

Kulħadd ikollu jammetti li l-influwenza ta’ Grech fuq il-kollegi tiegħu hija limitata. Allura ma tistax tikkonferma li l-kelma tiegħu hija garantita għax ma sħabu mhix. Inutli Dr Grech jipprova jagħti stampa differenti tal-fatti kif ġraw u kif ġab ruħu f’dawn id-diskussjonijiet. Kulħadd jaf jiżen is-sitwazzjoni fuq dak li qara jew sema’.

Tidher li Bernard Grech kellu jbiddel il-pożizzjoni tiegħu u dan jikkonferma li r-rigni mhumiex f’idejh fil-Partit Nazzjonalista. Kellna konferma ċara li l-establishment kien u għadu b’saħħtu u jekk xi ħaġa ma taqbilx mal-ħsibijiet tagħhom għandhom saħħa biżżejjed biex tinbidel id-deċiżjoni. Jekk kien hemm iktar il-bżonn, Dr Bernard Grech irid jieħu lezzjoni importanti minn dan kollu. Illum kulħadd qed jirrealizza, anki jekk ma kienx hemm bżonn, li l-aħħar kelma mhix tal-kap tal-Oppożizzjoni, imma hija ta’ dik il-klikka li kissret kemm felħet lill-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *