Jekk il-PN jivvota mal-gvern fuq din l-emenda li biha ser idaħħal l-abort f’Malta, jkun qed jagħmel suwiċidju politiku

Minn Edwin Vassallo

Nibda mill-ewwel biex ngħid li l-Oppożizzjoni għandha tivvota kontra din l-emenda inutli jew inkellha utli ħafna għal min irid idaħħal l-abort f’Malta.  Il-PN għandu jwarrab l-idea li jipprova joffri xi emenda altenattiva għal din l-emenda ta’ dan il-gvern. L-Oppożizzjoni u kull min ma jaqbilx mal-abort huwa f’dmir li jivvota kontra ħalli din l-emenda tinżamm milli jsir liġi.  

Mhux ser noqgħod nidħol fil-fatt li din l-emenda hija immorali għaliex mhux vera maħsuba biex isalva lill-omm imma hija aġent biex jinqatlu trabi innoċenti.  Din l-emenda qed issir biex tkun sodisfatta soċjeta’ egoista li għamlet il-flus, is-sess u l-pjaċiri tad-dinja ‘l Alla tagħha. Din l-emenda turi biss li llum, il-bniedem spiċċa oġġett li wara li jkun użat jista’ jintrama u l-imħabba tinxtara u tinbiegħ skont l-istaġun u l-aptit.

Imma hemm raġunijiet politiċi għala huwa perikoluż ħafna għall-Oppożizzjoni li tivvota favur din l-emenda jew toffri xi emenda oħra għal din il-liġi.  Il-periklu li jaqa’ fih min joffri emendi huwa li jkun qed jispiċċa kompliċi f’eżerċizju ta’ diżonesta politika.  Hija t-tattika ta’ dan il-Gvern diżonest li jitfa’ l-lixka ħalli l-Oppożizzjoni tipproponi l-emendi biex imbagħad tispiċċa tivvota miegħu. Hija lixka ta’ dan il-gvern li jippreżenta emendi perikolużi bi kliem sabiħ kif qed jagħmel bħalissa. Hija lixka ta’ dan il-gvern li jaqsam l-Oppożizzjoni fuq issues morali. 

B’hekk il-gvern qed jinqegħda b’din l-emenda biex idaħħal l-Oppożizzjoni jew lil xi membru minn tal-kleru fil-but. B’hekk il-gvern ikun jista’ jgħid kemm għandu raġun jagħmel din l-emenda biex biha jdaħħal l-abort f’pajjiżna taħt l-iskuża li qed issir biex tħares saħħet l-omm.

Għandna gvern malizjuż. Din hija r-raġuni politika għala l-Oppożizzjoni trid tieqaf tissieħeb miegħu anki meta jidher li taparsi qed joffri r-rigali. Bil-Malti ngħidu, dan hu gvern li jurik id-debba u jqabżek il-ħmara. Jekk il-gvern jispiċċa jsib qbil mal-Oppożizzjoni fuq din l-emenda jkun daħħal lill-Oppożizzjoni fl-ixkora.  L-Oppożizzjoni tispiċċa kompliċi mal-gvern u tkompli titlef l-appoġġ popolari tagħha. Ibqa’ żgur li l-gvern u l-Partit Laburista jispiċċaw jagħmlu festa biha.

B’hekk b’kull qbil li jista’ jilħaq, l-Oppożizzjoni ser tkun użat mill-gvern u mill-Partit Laburista biex l-istess gvern juri u jiftaħar kemm kellu raġun biex jagħmel din l-emenda tiegħu.  Hemm min fehem kemm huwa perikluż ir-riżultat ta’ din l-emenda.  Għalhekk l-Oppożizzjoni trid taħdem biex din l-emenda ma tidħolx fis-seħħ għaliex din mhix intiża biex issalva lill-omm.  Din hija intiża biex issir użu minnha biex tintemm it-tqala.

Il-gvern għandu l-maġġoranza u b’hekk xorta jista’ jdaħħalha.  Il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni għandha tkun dik li anki jekk il-gvern idaħħal din l-emenda, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jaħdem sakemm din il-emenda tkun revokata.  Irid jaħdem biex jara li din l-emenda – li ser tgħaddi – tkun imneħħija mal-bidla ta’ dan il-gvern.  Anki jekk il-gvern stess joffri xi emenda oħra lill-Partit Nazzjonalista ħalli jivvota miegħu, il-Partit Nazzjonalista għandu jibqa’ sod mal-prinċipju tiegħu u jgħid le.  Għalhekk f’dan l-istadju, kull emenda li tiġi offruta minn dan il-gvern għandha tkun rifjuta għaliex dan ikun qiesu xi ħadd li qed joffri arma lill-Oppożizzjoni biex tagħmel suwiċidju biha.

Għalhekk jekk l-Oppożizzjoni tispiċċa taqbel mal-Gvern ikun ikun ifisser li qed taqbel miegħu biex l-abort jidħol f’pajjiżna. U ibqgħu żguri li kif ġara fil-każ tal-liġi tad-divorzju ser jiġri b’din il-liġi. Wara ftit snin li din il-liġi tkun ilha tintuża biex isiru l-aborti, naraw lill-parlament jirregolarizzaha. Infakkar li ftit snin wara li d-daħħal id-divorzju, kull restrizzjoni li kien hemm marbuta miegħu sparixxiet.

Fuq kollox, kieku dan kien gvern onest kien jasal biex idaħħal din l-emenda wara konsultazzjoni onesta  u miftuħa. Infakkar li din l-emenda nżammet moħbija. Kieku kien hemm diskussjoni, din il-liġi kienet tidħol biex toffri is-serħan il-moħħ meħtieġ, anki jekk nibqa’ nemmen li ma kellniex bżonnha għaliex kif kienet il-liġi, din kienet u għada toffri dan is-serħan il-moħħ lil kull mara li ssib ruħha f’diffikulta’ waqt it-tqala.

B’hekk il-PN irid joqgħod attent li ma jirrepetix l-iżball li kien għamel meta ivvota mal-gvern fuq il-liġi tal-IVF. Infakkar li meta għamel hekk, ma ħa xejn. Infakkar li qabel l-elezzjoni tal-2022, il-PN kompla jbexxaq il-bibien tiegħu għall-ideat liberali u xorta kellu telfa kbira – anżi ikbar mill-2017. Għalhekk jekk il-PN jaqbel jew jilħaq kompromess mal-gvern u jivvotta mal-gvern favur din l-emenda jkun ifisser it-tmiem veru tal-Partit Nazzjonalista. L-istess jiġri jekk il-PN joffri xi emenda alternattiva. Meta fuq ligijiet kontroversjali, il-PN jivvota mal-gvern, huwa l-gvern li jikber u l-PN li jiċċekken.  Jekk il-PN isib xi kompromess mal-Gvern, dan ikun l-aħħar nifs tiegħu. Dan ikun suwiċidju politiku.  

Nittama li dawk il-veterani li qed jgħinu lill-PN biex isib triqtu mhux qed jaħsbu kif jidfnu lill-PN minflok iqajmuh mill-mewt.

One thought on “Jekk il-PN jivvota mal-gvern fuq din l-emenda li biha ser idaħħal l-abort f’Malta, jkun qed jagħmel suwiċidju politiku

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *