Illum kien hemm laqgħa taħraq tal-kabinett Laburista; il-Prim Ministru taħt pressjoni

Dan is-sit jinsab infurmat li llum kien hemm laqgħa tal-kabinett tal-gvern tal-Lejber. F’din il-laqgħa, il-Prim Ministru Abela ġie taħt pressjoni kbira min-naħa tal-ministri. Sorsi nfurmati tajjeb iddiskrivew din il-laqgħa lil dan is-sit bħala laqgħa li taħraq ħafna. Fost is-suġġetti li ġew diskussi f’din il-laqgħa kien hemm il-kummissarju tal-pulizija Angelo Gafa’ u dak li ġara dalgħodu ġewwa Kordin. Infatti dan is-sit jista’ jikkonferma li hemm bħalissa pressjoni kbira fuq il-kummissarju Gafa’ minħabba dan il-każ.

Kif wieħed kien jistenna, il-qtil ta’ Bernice Cassar iddomina l-laqgħa tal-kabinett dalgħodu għaliex wera li l-liġijiet kollha li għadda l-gvern kienu għalxejn għaliex mhux qed jaħdmu. Infatti f’din il-laqgħa tal-kabinett ssemma speċifikament dan il-każ u ntalab biex il-kummissarju jagħmel xi ħaġa u jispjega għal kien hemm “protection order” u xorta seħħ delitt ikrah bħal dan.

Din il-pressjoni bdiet minħabba dak li qalet oħt il-vittma fuq il-medja soċjali fejn kixfet li l-familjari kienu ilhom jagħmlu rapporti lill-pulizija imma ħadd ma beda jagħti każ. Dan wassal biex il-kummissarju Gafa’ ssemma’ personalment f’din il-laqgħa tal-kabinett u saħansitra intalab li l-kummissarju għandu jieħu r-risponsabbilita’ politika ta’ dak li ġara. Hu fatt magħruf li l-kummissarju Gafa’ għandu l-protezzjoni u l-appoġġ tal-Prim Ministru Abela.

Tant kemm kienet kbira l-pressjoni li l-Prim Ministru kellu u l-inkwiet li nqala’ li l-Prim Ministru kellu jħassar milli jmur għaċ-ċerimonja l-Universita’. B’hekk dalgħodu fl-Universita’ mar biss il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *