Il-Politika tal-PN trid tkun waħda ta’ “attrition” u mhux ‘coercion”

Fl-diskorsi li Bernard Grech qed jagħmel ta’ kull nhar ta’ Ħadd, qed jirrepeti l-fatt li l-Prim Ministru huwa arroganti. Dan qed jgħidu kull meta qed jindirizza l-medja permezz ta’ x’intervista jew meta jieħu xi mistoqsijiet. L-istess qed jagħmel meta jirrispondi mistoqsijijiet dwar in-nuqqas ta’ preżenza ta’ Aaron Farrugia fil-plenarja għalkemm kien qiegħed fil-bini tal-Parlament. Bernard Grech qal li la l-ministri jaraw lill-Prim Ministru jkun arroganti allura huma jagħmlu bħalu u jaġixxu ta’ nies arroganti. Grech tkellem ukoll dwar in-nuqqas ta’ qbil fuq in-nomina tal-eks-Prim Imħallef għall-pożizzjoni ta’ Kummissarju u għal darba oħra reġa’ qal li l-Prim Ministru huwa arroganti għax Abela missu jaf li Grech ma jaqbilx man-nomina tal-eks-Prim Imħallef.

Naħseb li l-kap tal-Oppożizzjoni jrid jagħmel qabża ‘l fuq. Jidher ċar li Bernard Grech qed jingħata pariri biex juża politika magħrufa bħala dik ta’ “coercion”, fejn it-theddid, li normalment hu marbut ma’ “coercion” jiġi mibdul f’tgħajjir u permezz tat-tgħajjir, wieħed jisforza l-avversarju biex iċedi.

Waqt li naqbel li hemm ħafna arroganza f’dan il-gvern, il-mod kif tkun espessja lill-poplu ma jistax jkun taħt din il-forma ta’ tgħajjir. Il-politika moderna titlob stil ieħor ta’ diskussjoni. Illum kulħadd jistenna li jitressaq l-argument u mhux jiġi mżejjen bit-tgħajjir. It-tgħajjir ma għadu jimpressjona lil ħadd anżi jiġbed fuq min jużah aktar antipatija. B’hekk l-istrateġija trid tkun waħda ta’ “attrition“. Fi kliem ieħor, l-avversarju jrid jinżamm ta’ pressjoni politika kostanti li fl-aħħar tispiċċa biex tgħajjieh.

B’hekk avversarju politiku ma jiġix ikkumbattut billi wieħed joqgħod jgħajru. Jekk kien hemm politiku fl-Ewropa li wriet li l-politika ta’ coercion ma taħdimx, din kienet Angela Merkel. Din kienet uwrietha ġa f’dibattitu li kellha mal-eks-Kanċillier tal-SPD Gerald Schroder. Waqt dibattitu fuq it-televizzjoni, Schroder kien spiċċa jgħajjar lil Merkel bir-riżultat li Schroder kien implodja u tilef l-elezzjoni u Merkel saret il-kanċilliera tal-Ġermanja.

Għalhekk qed ngħid li meta wieħed jgħajjar ma jkunx ‘cool’. Anzi juri li hu qiegħed taħt pressjoni. Żgur li l-politika moderna ma tridx din it-tip ta’ attitudni. Meta wieħed jgħajjar ikun qed juri li ma għadx għandu argumenti x’joffri. Allura wieħed jinżel fil-livell tat-tgħajjir biex mingħalih jimpressjona. Imma fl-opinjoni ta’ ħafna dan kollu qed jaħdem kontra min jagħmlu.

Bernard Grech qal lill-Prim Ministru li ma għandux jippretendi li għax rebaħ l-elezzjoni ġenerali għandu jagħmel li jrid. Imma fl-istess ħin, lanqas għandu Bernard Grech jippretendi li għandha tgħaddi tiegħu fuq kwalunkwe diskussjoni. Jekk irid li l-Prim Ministru ma jkunx supperv, għandu jkun hu li jinża mis-suppervja tiegħu u jiftakar li l-poplu verament għażel lil Robert Abela biex imexxi lil pajjiż. B’hekk aktar toħroġ is-suppervja tal-Prim Ministru. Għaliex fid-demokrazija, il-maġġoranza għandha taħdem biex tħares id-drittijiet tal-minoranza.

Huwa importanti li la l-Prim Ministru u lanqas ebda ministru ma jaġixxu b’xi tip ta’ dritt għax verament ikunu arroganti. Hemm ħafna fuq xhiex Bernard Grech iross lill-ministri tal-gvern, ibda bil-mod ta’ kif qed iwieġbu ċertu mostoqsijiet parlamentari. Hemm ħafna fejn jista’ jimbarazzah lill-Prim Ministru mingħajr ma jkun arroganti.

Anki jekk wieħed ma jaqbilx ma’ Robert Abela, wieħed irid jiftakar li l-poplu tah mandat b’saħħtu ħafna biex imexxi l-pajjiż. L-Oppożizzjoni trid iżomm f’moħħha dan il-fatt. La darba Robert Abela għandu dan il-mandat, għandu d-dmir li jieħu d-deċiżżjonijiet li jwassluh għal tmexxija li tkun ta’ ġid għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. Għalhekk il-ġlieda politika tal-Oppożizzjoni trid tkun waħda, kif jgħidu bl-Ingliż “of attrition” aktar milli dik ta’ ‘coercion‘.

Kif spjegajt, il-politika tat-tgħajjir hija waħda ta’ “coercion“. Fi kliem ieħor, l-avversarju politiku qed ikun sfurzat bl-użu tat-tgħajjir biex jagħmel dak li trid tgħidlu l-Oppożizzjoni. Din il-politika mhux ser taħdem. Minflok, b’attrition, wieħed jifhem li jnaqqas il-qawwa tal-avversarju tiegħu permezz ta’ proċessi politiċi li jżomm l-avversarju l-ħin kollu taħt pressjoni. Din għandha tkun it-triq tal-Oppożizzjoni jekk trid tmur fil-gvern.

Open photo

2 thoughts on “Il-Politika tal-PN trid tkun waħda ta’ “attrition” u mhux ‘coercion”

  1. L’ewwel Dr Bernard Grech , biex jghamel dak li issuggerejt int fil konfront ta partitu ma Dr Abela , irid ikollu team kapaci, ghax s’issa fid dibattiti Tal Budget 2022 / 2023, Il MP’s Tal PN idejquk tismaghhom, inkluz l’hekk imsejjah “demm gdid “ li hlief maltempati fil kikkri tat te ma ipproducewx

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *