Id-deputati tal-PN iridu joqogħdu attenti kif jivvutaw fuq l-emendi favur l-abort għaliex id-disonesta hija ikrah mill-abort innifsu

Minn Edwin Vassallo

L-abort ikrah u huwa delitt, iżda d-diżonesta hija delitt akbar.  Qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, kemm kellna min qal li huwa kontra l-abort.  Kważi l-kandidati kollha, inkluż il-Prim Ministru Robert Abela, qalu li huma kontra l-abort.  Huwa minnu li kien hemm kandidati u llum huma deputati li lil Simon Debono tal-ProLife qatt ma wieġbuh. Forsi llum lil dawn d-deputati ma nistgħux ngħidulhom diżonesti għaliex ma kienux taw l-ebda kelma. Fost id-deputati li qalu li huma kontra l-abort kien hemm ħafna deputati Nazzjonalisti. Għalhekk, id-deputati tal-PN iridu joqogħdu attenti kif jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fuq dawn l-emendi.

Infakkar lid-deputati Nazzjonalisti li jeżisti statut fejn jingħad ċar u tond li l-PN hu kontra l-abort. Tajjeb li d-deputati Nazzjonalisti jkunu jafuh tajjeb u anki jikkwotawh.  L-istatut jgħid li l-ħajja trid tkun protetta mit-tnissil sal-mewt naturali tagħha.  Dan l-istatut kien ikkwotat tajjeb ħafna u b’kuraġġ mill-istess PN, meta l-whip tal-partit ħareġ bi stqarrija u qal li l-PN huwa kontra l-ewtanasja.  Kienet deċiżjoni u mossa tajba ħafna li wriet bla kantunieri x’jemmen il-PN f’dan ir-rigward. Mela fir-rigward tal-ewtanasja, l-istatut kien użat u interpretat b’mod perfett.

Minkejja din iċ-ċarezza tal-PN fir-rispett tal-ewtanasja, din iċ-ċarezza u impenn ma hux muri mill-Partit Nazzjonalista fil-kas ta’ dak li ntqal mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Chris Fearne u allura dak li ser jibda jkun diskuss illum fil-parlament Malti.  Mela għandna partit politiku li huwa l-Oppożizzjoni tal-Gvern f’dan il-pajjiż u quddiem dikjarazzjonijiet ċari ta’ diżonesta politika ma hux isemma leħnu.

Dawn huma emendi mressqa illum quddiem il-Parlament Malti li huma maħsuba biex joħolqu abbuż li jwassal għall-mewt mpinġija bħala “emendi favur il-ħajja“.  Din hija diżonesta li qatt ma tista’ tkun aċċettata f’pajjiż li jrid jgħid li huwa demokratiment b’saħħtu.  Quddiem dan kollu, il-PN qal li minkejja li l-istatut jgħid dak kollu li jgħid, mhux ser jagħti kummenti qabel ma jara l-emendi.

Jien nemmen li l-Oppożizzjoni ma tistax tkun kompliċi ma’ din diżonesta ta’ dan il-gvern.  Jien kont nistenna li l-Oppożizzjoni kellha tieħu l-okkażżjoni biex tgħid lill-gvern ma jibqax ikun diżonest mal-poplu. Infakkar li min ikun kompliċi f’diżonesta huwa hu wkoll diżonest.  Dan huwa l-faqar morali li waqa’ fih pajjiżna.  Il-ħajja ta’ tarbija fil-ġuf spiċċat tapit taħt saqajn il-politiċi li jridu janalizzaw fejn hija l-opinjoni pubblika qabel ma jieħdu azzjoni. Illum kulħadd spiċċa jagħmel il-kontijiet mal-opinjoni pubblika qabel ma jgħid tiegħu. Illum il-moralita’ saret suġġetta għall-opinjoni pubblika minflok ma għadha suġġetta għall-valur tal-verita’. Tal-biza’ l-faqar morali tal-awtorijiet tagħna!

Nibża’ wisq li f’pajjiżna qed narmu l-valur tal-ħajja għar-regħba tal-akkwist tal-poter akkost ta’ kollox. Dan hu l-mafia state li ninsabu ngħixu fih b’mod trankwill illum! Dan il-pajjiż sar pajjiż Marxista fejn il-politiċi liberali u tal-establishment “woke” tilfu l-konfini tad-diċenza u l-onesta’.

Il-qtil ta’ tarbija fil-ġuf, il-qtil tal-innoċenti fl-aktar żmien vulnerabbli, huwa ikrah u ħażin, iżda d-diżonesta li biha qed jidħol dan id-delitt f’pajjiżna huwa ħafna agħar mill-abort innifsu. Dan qed jiddaħħal bil-kompliċita’ maħmuġa ta’ min suppost għandu jitkellem kontra dan kollu u qed jibqa’ b’ħalqu magħluq.

Dan kollu hu tal-mistħija.  Inthom li tafu l-aktar, li għandkom id-dmir titkellmu ma tistgħux tibqgħu siekta quddiem din id-diżonesta kollha bl-iskuża li għad tridu taraw l-emendi. Meta tagħmlu hekk qed tkunu kompliċi fil-qtil ta’ kull tarbija li ser iseħħ grazzi għal dawn l-emendi. Dawn huma trabi li ser jinqatlu fis-silenzju għaliex l-ebda twerżieqa ta’ ajma ma aħna ser nisimgħu. Min hu responsabbli lejn il-ħajja għandu jqum u jitkellem. Min jibqa’ skiet ser ikollu jerfa’ r-responsabbilita’ ta’ kull delitt li ser jibda’ jseħħ permezz ta’ dawn l-emendi.

Il-lejla dawn l-emendi ser ikunu quddiem il-parlament, ippreżentati f’forma ta’ abbozz, biex l-istess membri parlamentari jibdew jiddiskutuhom skont l-ordni tal-ġurnata.

2 thoughts on “Id-deputati tal-PN iridu joqogħdu attenti kif jivvutaw fuq l-emendi favur l-abort għaliex id-disonesta hija ikrah mill-abort innifsu

  1. Kull abort huwa qtil, anke jekk biex tigi salvata l-omm. Dak huwa t-twemmin tieghi u hadd u xejn mhu se jdawarni f’dak li nemmen. Issa naraw min se jkunu dawk id-deputati tal-PN u anke tal-MLP jew jekk hux se jkun il-grupp Nazzjonalista kollu li se jivvota favur, mal-gvern f’dan id-delitt fahxi.

  2. May the Holy innocents light up our parliamentary Chambers, and may all bodies be respected and live with our souls all together in the embrace of eternal love.
    Its all about love. Love starts here on earth. Only the fool tries to bury his conscience saying in his dying heart “There is no God”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *