Jason Azzopardi jkompli jigdeb: imma min xarrbu issa qed jieklu l-bakkalljaw

Illum, kellna lil Jason Azzopardi fuq l-istazzjoni tal-Knisja. Din id-darba, l-attakk hu fuq Bernard Grech. Mhux faċli għall-Partit Nazzjonalista li jieħu r-ruħ għaliex issa l-attakki ġejjin minn ġewwa. Issa anke dawk li tant kienu qrib ta’ Bernard Grech qed iduru kontra tiegħu. Kellna xhieda skjetta ta’ Jason Azzopardi li tkellem ċar kontra l-mod ta’ tmexxija ta’ Bernard Grech. Qalilna b’mod miftuħ li Bernard Grech ried itajjar minn deputati lil dawk kollha li kienu fil-partit fi żmien Lawrence Gonzi. Infakkar li dan is-sit ilu li tkellem dwar dan u kien jiġi mgħajjar min-nies li jissapportjaw lil Azzopardi li dan is-sit qed jxewwex. Imma dan kien ħareġ ċar wara li Bernard Grech ħalla bla dikasteru lil Chris Said, lil Mario Demarco u lil Carm Mifsud Bonnici. Infakkar li Chris Said kien l-iktar deputat li kien iġġieled għalih meta kien hemm it-tellieqa għal kap.

Imma ta’ min jgħid li Jason Azzopardi kien ħadha qatta bla ħabel kontra Adrian Delia għaliex anki hu beża’ li Adrian Delia, wara li leħaq kap, seta’ joħroġlu fuq id-distrett tiegħu, jiġifieri r-raba’ distrett. Fuq kollox, wara li kien tajjar lil Adrian Delia, Jason Azzopardi kien jippostja kemm il-Facebook page tiegħu u jgħid kemm il-Partit Nazzjonalista kien sejjer tajjeb taħt Bernard Grech u kemm hu u Bernard Grech kienu ħbieb tal-qalb. Infakkar li kien ġab l-ittra li kien bagħatlu Bernard Grech meta kienu għadhom studenti fl-istess klassi. Anki dak in-nhar kien gideb Azzopardi. Fuq kollox ta’ min jgħid li dawn kienu jmorru l-Universita’ fl-istess karozza u Jason Azzopardi kien imur jiekol għand omm Bernard Grech meta kienu għadhom studenti.

Illum in-narrattiva ta’ Jason Azzopardi nbiddlet għal kollox. Din inbiddlet wara li ma tellgħax fil-Parlament. Illum nistgħu ngħarfu li kemm ilu li sar kap, Bernard Grech kellu f’moħħu li ma jħallix lil dawk li kellhom esperjenza fit-tmexxija tal-partit u tal-gvern bħala parti mid-deputati tiegħu. Għall-inqas, dan hu dak li llum qed jgħid Jason Azzopardi.

Minn dak li qal Jason Azzopardi nistgħu nikkonkludu li għal Bernard Grech, dawk li kellhom l-esperjenza fit-tmexxija u fil-parlament kienu ta’ xkiel għalih u ried kieku seta’ jeħles minnhom meta kien hemm l-elezzjoni. Skont Azzopardi, Bernard Grech ried jibni madwaru team ġdid li kif jgħid hu ma kienux iħarsu l-isfel lejh. Din hija minnha u dan is-sit kien anki tkellem dwarha u fuq din ukoll, illum qed jingħata raġun. Imma Bernard Grech ried li kull deputat ikun jista’ jħares lejh bi stima kbira ħafna u mhux jiġi mqabbel ma’ kapijiet li kien hemm qabel. Mela għal darba oħra, dan is-sit qed ikun ikkonfermat li qed kien qed jgħid il-verita’.

Imma dak li ma qalx Azzopardi, li fuq id-distretti fejn ħareġ, il-kandidat li tajjar lil Azzopardi kien persuna mill-kamp tiegħu stess, jiġifieri Mark Anthony Sammut. Lil Mark Anthony Sammut semmieh imma qagħad attent kif jitkellem dwaru. Fil-verita’, mhux Bernard Grech biss tajru imma anki sħabu ta’ Repubblika sallbuh! U għalhekk qed ngħid li Azzopardi qed jigdeb. Infakkar li Azzopardi ammetta li ried ikun ix-shadow tal-ġustizzja imma Bernard Grech kellu jagħtiha lil xi ħaddieħor mir-Repubblichini.

Hu minnu li sa ċertu punt, Grech irnexxielu jtajjar lil ċertu deputati stabbiliti li ddeċidew li ma jitfgħux il-kandidatura tagħhom fl-elezzjoni ġenerali. Imma llum Bernard Grech irid jara u jistudja l-fatti ta’ kemm voti ntilfu minħabba n-nuqqas ta’ ċerti kandidati fuq il-karta tal-vot. Kien hemm deputati li ma ħarġux u minħabba f’hekk intilfu l-voti. Imma l-problema ta’ Azzopardi hija li l-Partit Nazzjonalista ma hu ser inaqqas xejn minħabba n-nuqqas tiegħu għaliex hu ma telgħax minħabba l-gwerra bierda fi ħdan ir-Repubblichini u l-ġlied li ġġieled kontra Adrian Delia u ma’ Nazzjonalisti bħali.

Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed ikun ikkonfermat kemm dan is-sit jgħid is-sewwa. Issa qed ikun ikkonfermat li t-tattika tal-establishment kienet dik li jtajru lil dawk li ilhom fil-Partit Nazzjonalista. Dawk tal-establishment xtaqu li jkollhom deputati ġodda ħalli jkunu jistgħu jilgħabu bihom kif iridu. F’din is-sistema, Bernard Grech hu biss rota, jew pupazz li jrid issa joqgħod għal dak li ser jgħidulu tal-establishment.

Anki jekk fid-deher, Bernard Grech jista’ jidher li qed iħossu b’saħħtu mad-deputati ġodda, fil-verita’ hu kap li qed jiddgħajjef waħda sew. Issa l-kanuni qed ikun anki sparati lejh mill-media tal-Knisja. Hu għarralu bil-kbir meta ħaseb li ser ikollu team ta’ deputati li joqogħdu għal dak kollu li jgħid u jagħmel hu. Ibqgħu żguri li anki l-ġodda ser jisparixxu għaliex kif jindarab ir-ragħaj, in-nagħaġ jitferrxu. (Matt: 26:31).

Imma aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed joħroġ ċar li t-tmexxija ta’ Bernard Grech fil-Partit Nazzjonalista hija mdendla b’ħajta.

One thought on “Jason Azzopardi jkompli jigdeb: imma min xarrbu issa qed jieklu l-bakkalljaw

  1. Li jimpressjonak hu li nies li ghadhom fil-Partit Nazzjpmalista inkluz deputati bhal Caludette Buttigieg, Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami u ohrajn issa qedghin kwieti. Kienu jghidu li b’Bernard Grech il-PN kellu cans kbir jirbah l-elezzjoni. Minflok b’Bernard Grech il-PN garrab l- akbar telfa. U issa dawn id deputati blue heroes wara li igannaw u ittradew lit-tesserati jinsabu komdi jaraw il partit bicciet. L- istess partit glorjuz li kissruh hjma stess iggifieri il-blue heroes. Traditturi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *