Il-parir tiegħi lil Gordon Manche: inqas ma titkellem fuq il-każ ta’ Abner Aquilina aħjar

Lovin Malta għamlet referenza għall-priedka li għamel il-pastor Gordon Manche lis-segwaċi tal-kommunita’ tiegħu. Din qegħda fuq Youtube. Fiha, Manche għamel punt tajjeb fis-sens li qal li mhux kull min imur service u jagħmel reat jispiċċa jissemma’ fil-media. Hawn naqbel miegħu li Alla ħares ikun hekk.

Imma qabel nikkummeta nixtieq ngħid li jien ma għandi xejn personali kontra Manche. Iltqajna darba fuq programm tat-Television u darba oħra ġejt mistieden biex immur laqgħa fir-River of Love ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Dak kollu dwar din ir-relazzjoni miegħu.

Imma hemm problema f’dan il-każ partikolari. Il-problema mhux il-fatt jekk Abner Aquilina marx xi servizz ta’ Manche jew le. Seta’ mar servizz ieħor. Il-problema tinsab fil-fatt jekk Abner Aquilina marx dak is-servizz qabel ma wettaq id-delitt jew le. U jekk f’dak is-servizz, sarx xi talb fuqu biex jitkeċċew ix-xjaten jew le jew anki xi talb għalih? Infakkar li l-istess Manche qed jgħid li hemm ix-xjaten f’Abner Aquilina!

Issa skont l-istess Manche, Abner Aquilina mar darba biss għas-servizz fil-kommunita’ tiegħu. Manche qal li dan l-anqas ġie mill-ewwel u telaq qabel ma spiċċa s-servizz. Skont kif inkiteb min xi ħadd li jidher li kien hemm, dan is-servizz dam bejn siegħa u nofs u sagħtejn. Imma Manche ma speċifikax għal liema servizz kien mar għalih, jiġifieri jekk hux dak tal-aħħar tas-sena jew xi ieħor.

Skont Manche, ma sar xejn speċjali f’dak is-servizz. Imma skont membri tal-istess kommunita’ – għall-inqas minn dak li nkiteb fil-media – waqt dan is-servizz sar talb. Il-mistoqsija tiġi waħidha, kien Abner Aquilina parti mis-suġġett ta’ dan it-talb? D awn huma punti li wieħed jistenna li jkunu żviluppati waqt il-kompilazzjoni tax-xhieda.

Fuq kollox, fil-prietka tiegħu, Manche jagħmilha tiegħu li jiddefendi lix-xhud li kien qed ikun – grilled – mill-avukati. Hu jiddefendi lix-xhud u jattakka lil avukat Filletti talli kien qed jagħmel id-dover tiegħu skond il-liġi. Fuq kollox, dan hu xhud li fil-lejl ta’ qabel id-delitt ħadu d-dar tiegħu biex jorqod għandu. Minn dak li ħareġ, jidher li dan ix-xhud joqgħo iż-Żejtun, jiġifieri fl-istess raħal li joqgħod fih Abner Aquilina. Ma hemmx dubju, huwa fid-dmir tad-difiża u tal-parte ċivili li tistaqsi għala persuna jkollha nteress tieħu li tieħu lil xi ħadd, li joqgħod fl-istess lokalita’ u traqdu għandha meta dan seta’ mar jorqod fid-dar ta’ ommu. F’sitwazzjonijiet normali, wieħed kien jistenna li dan ix-xhud jibgħat lil Abner Aquilina jorqod għand ommu u mhux iħallih jorqod għandu.

Imma dak li l-aktar jinkwietak f’din il-priedka ta’ Manche huwa l-fatt li fuq naħa qed jgħid li lil Abner Aquilina ma jafux għaliex ġie darba għal biċċa mis-servizz reliġjuż u mbagħad qed jagħmel ġudizzju fuqu u jgħid li Abner Aquilina qed iħawwad. Kif jista’ jakkuża lil Abner Aquilina li qed iħawwad meta ġie biss darba għal servizz li jidher li dam sagħtejn?

Li hu interessanti huwa li Manche attakka l-avukat Stefano Filetti li hu l-avukat tal-parte ċivile, jiġifieri l-avukat tal-familja tal-vittma. Wieħed irid jgħid li mhux Filetti biss kien iebes max-xhud imma anki l-avukat tad-difiża ta’ Abner Aquilina, Mario Mifsud. Mifsud għamel mistoqsijiet diretti ibsin ħafna lix-xhud kif inhu d-dmir tiegħu. F’dan il-każ, mhux biss l-avukat tad-difiża imma anki l-avukat tal-familja ma kienux konvinti dwar dak kollu li qal dan ix-xhud. Din mhix malafama kif ipprova jinsinwa Manche. Dan hu d-dover tal-avukati li joħorġu l-verita’ u għalhekk f’dan l-istadju kien permess mill-qorti li jsiru mistoqsijiet diretti.

Nispera li fhimt lil Manche sew għaliex jidher li hu semma li kemm Abner Aquilina u x-xhud kellhom passat mhux faċli. X’jrid jifhem Manche b’passat mhux faċli ta’ Abner Aquilina? X’jaf Manche dwar il-passat ta’ Abner meta ftit qabel qal li l-anqas biss jafu? Kif jista’ jitkellem fuq Abner Aquilina u jgħid li qed iħawwad, meta fl-istess nifs qed jgħid li dan l-anqas iltaqa’ miegħu imma biss attenda għal parti minn servizz reliġuż ippresedut minnu?

Il-konklużjoni li qed tintbagħat hija li dan ix-xhud huwa omosesswali. Ovvjament, mhux kull omosesswali jagħmel abbużi. Imma hu fatt ukoll li hemm omosesswali – bħal ma hemm persuni etero – li jfittxu s-servizzi sesswali. Fil-każ tal-omosesswali, is-servizz li jfittxu hu dak ta’ irġiel. Fil-każ tal-etero, dawn ifittxu lill-prostituti nisa. Ovvjament, hu fid-dover tal-pulizija u tal-awtoritajiet – inkluż l-avukati li jikkonfermaw u jiġbru l-fatti kollha. Fuq kollox meta jkun hemm reat li b’xi mod tkun involuta l-prostituzzjoni femminili, hu normali li jkunu msaqsa l-mistoqsijiet kollha.

Għalhekk fil-kuntest attwali, jkun aħjar għal Pastor Manche li ma jitkellem xejn fuq din l-istorja għaliex aktar ser iwassal biex isiru mistoqsijiet dwar verament x’ġara fis-siegħat ta’ qabel ma seħħ dan id-delitt u kif dawn kellhom effett fuq dan il-qtil.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *