Għaliex din il-miżura tal-ġbir tal-flixken hija kontra ż-żgħir u l-batut? Mank ingħata xi kumpens għall-iskariġġ!
Minn Hermann Farrugia
Il-gvern daħħal taxxa fuq il-fliexken tal-plastik tal-ilma. Imbagħad qabbad kumpanija privata biex tiġborhom u tagħti lura l-għaxar ċenteżmi forma ta’ coupon jew vawċer. Il-gvern u dawk li qed jappoġġjaw din il-miżura qed jgħidu li din ġiet imposta minn direttiva Ewropea. Dan mhux vera. Il-fatt hu li din id-direttiva li qed isemmu, jiġifieri dik tal-2019, titkellem dwar is-separazzjoni tal-iskart li ġa konna qed nagħmluh u dwar it-tħammiġ tal-baħar u l-ġbir tal-buds tas-sigaretti imma ma titkellimx dwar miżuri ta’ ġbir tal-flixken minn magni li jagħtu vawċers ta’ għaxar ċenteżmi! Il-verita’ hija li din mhix miżura li qed tindirizza l-ambjent imma qed tgħakkes liż-żgħir.
Min-naħa l-oħra, din hija miżura li ser ikollha effett fuq dawk bi dħul baxxa u medju. Infakkar li llum ħafna koppji joqogħdu f’appartamenti li huma żgħar. L-ispazju fejn wieħed jgħix hu żgħir. Hemm l-anzjani wkoll li ma jistgħux joħorġu. Iċ-ċans huma li dawn ser jitilfu ċ-ċans li jiġbru flushom lura. Wieħed jista’ jgħidli kif numru ta’ anzjani b’nuqqas ta’ mobilita’ ser imorru fuq il-post fejn hemm il-kontenitur ta’ ġbir tal-flixken?
Fuq kollox din hija miżura li tolqot l-aktar il-flixken tal-ilma. L-ilma hu essenzjali. Kieku saret biex tolqot biss dawk tal-luminata nifhimha. Forsi kienet isservi biex jonqos il-konsum għaliex ħafna luminata tagħmel il-ħsara minħabba z-zokkor li fiha.
Jiena flimkien ma’ sħabi t-tobba tal-familja qed nisimgħu ħafna tgergir għaliex din qed tkun miżura ta’ taxxa u ser tkun qed taffettwa l-aktar ħażin lil min huwa żgħir. Kif ġa kelli ċans nikteb fuq il-Facebook page tiegħi, aħna, it-tobba tal-familja nidħlu fid-djar ta’ bosta nies. Aktar minn ħaddieħor, aħna nidħlu fl-intimita’ tan-nies. Jiddispjaċini ngħid li ħafna politiċi li qed jew jridu jitkellmu fuq il-familja bilkemm jirfsu mill-għatba ‘l ġewwa ġod-djar tan-nies. Mela kif qatt jistgħu jitkellmu dwar is-sofferenzi veri tan-nies?
Bħala tabib ġa smajt ħafna familji u anki koppji żgħażagħ jilmentaw li bilkemm għandhom fejn iduru sabiex jakkomodaw borża griża oħra. U mank kumpens ċkejken ta’ 2 jew 3 cents żejda fuq kull flixkun ħalli jkunu jistgħu jkopru l-ingombru domestiku żejjed u l-iskarigg tas-sewqan lejn il-magni tar-rićiklagg. Biex ma nsemmux xi ćans ta’ taħrika żejda mingħand xi warden jew minn xi kamera moħbija jekk tinqabad tipparkja ħażin sakemm tmur tarmi l-flixken!
Tabilħaqq,il-Gvern messu ħaseb jinċentiva aktar din l-iskema favur l-ambjent u saħansitra l-Oppożizzjoni messha diġa’ antiċipat din is-sitwazzjoni u lissnet il-kritika tagħha f’isem eluf ta’ familji żgħar u kbar, żgħażagħ u anzjani.
Il-fatt li l-Oppożizzjoni ma kienetx kapaċi titkellem turi nuqqas ta’ apprezzament ċivili u nuqqas ta’ ħsieb logiku u ta’ sens komun.