Il-pika bejn il-partiti dwar il-ħatriet tal-Ombudsman u l-Kummissarju tal-Istandards turi li l-idea ta’ żewġ terzi fl-għażla ta’ ħatriet ma taħdimx

Bħalissa għaddej battibekk bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-Ombudsman u tal-Kummissarju għall-Istandards. Kulħadd qed jistenna li f’dawn in-nomini ma jintlagħabx logħob tat-tfal u joqgħodu wieħed iwaħħal fl-ieħor u ma jaslu mkien. Hemm bżonn li b’xi mod jintlaħaq ftehim dwar dawn il-karigi importanti f’pajjiżna.

Dawn iż-żewġ ħatriet jeħtieġu maġġoranza parlamentari ta’ żewġ terzi, jiġifieri bil-fors li jrid jintlaħaq kunsens bejn iż-żewġ partiti biex jilħqu ż-żewġ terżi fil-parlament. Bħalissa qiegħdin f’sitwazzjoni fejn il-Gvern qed jgħid li ressaq l-ismijet ta’ żewġ persuni biex jintlew il-postijiet vakanti u li qed jistenna risposta mingħand il-Kap tal-Oppożizzjoni. Waqt li l-Partit Nazzjonalista qed jgħid li din id-diskussjoni kellha tkompli b’laqgħa oħra bejn iż-żewġ mexxejja.

Kien hemm konferma li ż-żewġ mexxejja ltaqgħu f’dawn l-aħħar ġranet biex tinstab soluzzjoni. Il-Gvern qed jgħid li ressaq proposti sensibbli u qed jistenna lill-Kap tal-Oppożizzjoni jinforma jekk jaqbilx jew le. Sadanittant, iż-żewġ partijiet għadhom ma wasslux fi ftehim għaliex fuq kollox, wara l-ħatra ta’ dawn iż-żewġ pożizzjonijiet hemm ukoll dik tal-President tar-Repubblika li mhux qed tissemma. Mela l-problema hija aktar komplessa milli tidher.

B’hekk dan il-battibek juri li din l-idea ta’ żewġ terzi tal-membri parlamentari fl-għażla ta’ dawn il-pożizzjonijiet ma ħadmitx. Din l-idea tfisser li kull naħa tressaq xi ħadd u biex jintlaħaq ftehim irid isir dak li jgħidulu horse trading. Int tapprova l-kandidat tiegħi għal waħda mill-ħatriet u jien napprova l-kandidat tiegħek għall-ħatra l-oħra.

Meta ikun hemm idejat konfliġġenti, kull wieħed minnhom irid iċedi pass inkella qatt mhu ser tinstab soluzzjoni. Jew inkellna jibqgħu jġebdu sal-aħħar. Jekk ser jibqgħu jwebbsu rashom dawn iż-żewġ postijiet jibqgħu ma jintlewx.

Ma jkunx sewwa għal pajjiżna li nibqgħu mingħar Kummissarju tal-Istandards jew li l-Ombudsman ma jinbidilx. Biss hemm bżonn li tintwera maturita politika miż-żewġ mexxejja ħalli jinstab kunsens jekk trid li din is-sistema taħdem. Anki dan ifisser li mhux ser jintgħażlu l-aħjar imma dawk li jkunu qrib xi partit jew ieħor.

Dak li hu żgur li l-irbusija tar-ras żgur li ma twassal imkien. Iktar ma ttawwal biex tinstab soluzzjoni iktar inkunu qed inħallu istituzzjonijiet importanti ma jaħdmux kif suppost. U dan ikun nuqqas kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq ir-reputazzjoni tagħna fuq livell internazzjonali. Fuq kwistjonijiet bħal dawn il-poplu ma jridx piki imma jrid soluzzjonijiet.

Kulħadd qed jispera li s-soluzzjoni tinstab ma ddumx.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *