Jista’ Beppe Fenech Adami jgħid lill-poplu fuq xhiex kellu Adrian Delia jimita lil Simon Busuttil?

Minn Osservatur Politiku

Beppe Fenech Adami kkritika lil Adrian Delia li ma kompliex fuq it-tajjeb ta’ Simon Busuttil. Kif jista’ jgħid differenti? Ma rridux ninsew li Beppe Fenech Adami kien il-Viċi-Kap fi żmien Simon Busuttil. Jekk jikkritika li Busuttil għamel il-frejjeġ ikun qed jinkludi lilu nnifsu għaliex kien miegħu bħala wieħed mill-viċi kapijiet ta’ Simon Busuttil. Jekk ma għandux jammetti li kien żbaljat Beppe Fenech Adami! Beppe Fenech Adami huwa parti minn dawk l-elitisti li jaħsbu li huma dejjem fis-sewwa.

Possibbli ħadd ma jinduna li dan iqies lilu nnifsu bħala s-salvatur tal-Partit Nazzjonalista u allaħares ma jkunx hemm hu? Wieħed jistaqsi x’kien it-tajjeb ta’ Simon Busuttil? Tgħid kienet in-narrattiva li jirrepeti dak kollu li kienet tikteb u kienet tgħid Daphne Caruana Galizia? Tgħid kienet l-istrateġija li uża matul il-leġislatura sħiħa li kollox jitwarrab fil-ġenb minbarra l-kritika fuq il-korruzzjoni? Tgħid insejħu tajjeb dik il-fissazzjoni li kellu li jsallab lil Joseph Muscat?

Tgħid noqogħdu niftakru fuq kemm il-priedka għamel li l-Egrant kienet tal-mara ta’ Joseph Muscat u ġie jitmellaħ minn kritika oħra fuq suġġetti li kienu jinteressaw lill-poplu Malti u Għawdxi? Nesa jgħidilna Beppe Fenech Adami li fl-ewwel laqgħa tal-grupp parlamentari kien qal lil Adrian Delia li ma hu ser ikun il-kap tiegħu?

Tgħid noqogħdu niftakru kemm-il darba qal ‘the elephant in the room’ f’kull laqgħa tal-grupp parlamentari u tal-esekuttiv. Kien kontinwament u għal kull argument li kien jittella’ fil-grupp parlamentari u fl-esekuttiv kien ħsiebu biss biex jirrepeti din il-mantra tal-iljunfant.

Kif jista’ jkompli jemmen u jgħid li Adrian Delia għamel żball għax ma mexiex fuq il-passi ta’ Simon Busuttil? Kif jista’ jkun li jsemmi dawn l-affarijiet imma ma jispjegalniex x’inhu t-tajjeb li għamel Busuttil li trid tfittxu b’nemes. Dak li għamel Busuttil bil-għajnuna ta’ Beppe Fenech Adami kien li kompla jogħdos lill-Partit Nazzjonalista l-isfel u ġabu iżjed fjakk minn żmien Gonzi. Insew kemm twarrbu nies fi żmien Simon Busuttil? Fuq dan irid li Adrian Delia jibni l-Partit Nazzjonalista?

Niftakru li Busuttil ma kellux inkwiet intern u allura suppost kellu grupp parlamentari warajh imma għamel l-iżball li ġie ordnat minn Daphne biex jibqa’ għaddej fuq il-mantra li riedet hija. Din l-istrateġija ta’ Daphne Caruana Galizia wasslet biex Simon Busuttil laqqat telfa ikbar minn ta’ Gonzi. Dak li jrid jingħad li Beppe Fenech Adami kien wara din l-istrateġija basta mingħalih li kellu kollox sejjer tajjeb u kulħadd kien qed jiġbed il-ħabel miegħu.

Imma sewwa jgħidu li jekk ikun hemm ir-ras mogħnija b’affarijiet li ma jkunux jogħġbu lill-poplu, il-partit kollu jlaqqatha u hekk ġara. F’hiex ried jimita lil Busuttil? Talli żamm postu fil-parlament sa xħin akkwista xogħol fl-Unjoni Ewropea? Kien ikun ħafna iżjed għaqli għall-Partit Nazzjonalista li kieku Simon Busuttil baqa’ Brussell għax kieku l-Partit Nazzjonalista ma kienx jinżel fl-abbissi li niżel.

Mela għalhekk ifaħħru Beppe Fenech Adami lil Simon Busuttil u jara kollox tajjeb fih għax taħtu seta’ jagħmel li jrid!! Għax Fenech Adami għandu mentalita’ meskina tal-politika li għamlet tant ħsara u li għadna ngawduha sal-lum. Il-mentalita’ hija li huma l-elitisti u l-oħrajn, li hu ma jqisx li huma tal-klassi tiegħu, huma kollha dubbien.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *