L-għażla tas-sindku ta’ Ġiljan: il-PN irid jieqaf jagħżel nies skont il-konnessjonijiet personali li jkollhom ma’ uffiċjali tal-istess partit

Minn osservatur politiku

Il-Partit Nazzjonalista dejjem idaħħal saqajh f’xi balbuljata li joħloq hu stess. Qed nirreferi għal dak li ġara fil-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan wara li s-sindku sab ruħu membru tal-Parlament meta ħalla din id-dinja l-mibki Robert Arrigo. Minfloku intgħażel Guido Dalli. Imma wieħed jistaqsi x’hemm ħażin f’din l-għażla?

Il-ħażin jinsab hawn. Meta saret l-elezzjoni tal-Kunsilli fl-2019 f’San Ġiljan, Albert Buttigieg kien ġab l-akbar ammont ta’ voti u b’hekk sar sindku. Warajh kien hemm Guido Dalli. Mela wieħed kien jistenna li bħala sindku ikun hemm Buttigieg u viċi- sindku kien ser ikun Dalli. Imma is-Sur Dalli ma għoġbitux li joqgħod viċi-sindku u ma aċċettax b’tali mod li l-viċi-sindku ta’ San Ġiljan huwa Clayton Luke Mula u ilu hemm min wara l-elezzjoni tal-kunsilli lokali. Issa x’ġara?

Albert Buttigieg sar deputat parlamentari u allura nħolqot vakanza għal post ta’ sindku. Kulħadd ħaseb li s-sens komun kien jgħidlek li l-viċi-sindku attwali jsir is-sindku b’mod awtomatiku. Imma dan ma kellux isir għax il-Partit Nazzjonalista ddeċida li bħala sindku għandu joqgħod Guido Dalli. Mela l-mistoqsija tiġi waħidha. Kif persuna li ma għoġbux joqgħod viċi-sindku, issa qed jaċċetta li joqgħod sindku? Dawn x’affarijiet huma? Kif tista’ tpoġġi lil xi ħadd sindku meta dan ċaħad il-post ta’ responsabilita’ ftit tax-xhur ilu?

Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Partit Nazzjonalista . X’kienet ir-raġuni għaliex ġie deċiż hekk? Tgħid kienet logħba ta’ neputiżmu? Tgħid sabu lil Mula raġel kwiet u għamlu li riedu? Ma smajna ebda protesta mill-viċi-sindku. Jidher li l-viċi-sindku kellu jibla’ kollox u joqgħod kwiet għax il-partit hekk ried.

Jekk dan hu minnu, verament qiegħed sew il-Partit Nazzjonalista. Il-Partit jiddeċiedi skond min ikun il-persuna u skond x’konnessjoniet ikollu mal-partit. Wieħed irid jgħid li hemm qrubija kbira bejn Bernard Grech u Guido Dalli. Mhux ser nidħol fuq livell personali imma din id-deċiżjoni ħalliet togħma ta’ neputiżmu fost dawk li jafu l-affarijiet sew ġewwa l-Partit Nazzjonalista.

Huma deċiżjonijiet bħal dawn li joħolqu d-disgwid bejn l-istess kunsilliera. Għalhekk ma għandhomx isiru. Minflok il-Partit Nazzjonalista qed ikun ta’ eżempju għal tmexxija serja, qed jaqa’ anki hu għan-nepotiżmu li jgħajjar tant bih lill-Partit Laburista. Hija ħasra li dan il-Partit, anki mill-oppożizzjoni qed jieħu deċiżjonijiet skond min ikun il-persuna u mhux skont dak li hu ġust u sewwa. Meta jiġri hekk, jinħolqu diviżjonijiet mhux mistennija.

Il-Partit Nazzjonalista jrid jieqaf jieħu deċiżjonijiet skond min jinsab qrib xi uffiċjal preżenti tal-istess partit.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *