Beppe Fenech Adami jkompli bl-attakki tiegħu kontra Adrian Delia

Minn partitarju Nazzjonalista Anzjan

Is-Sibt li għadda, Beppe Fenech Adami kien fuq il-programm tar-radju ma’ Andrew Azzopardi. Matul din l-intervista, Beppe Fenech Adami kompla bl-attakki tiegħu kontra Adrian Delia. Jidher ċar li l-problema kbira ta’ Beppe Fenech Adami hija li Adrian Delia ħariġlu fuq id-distrett li jqisu fewdu tiegħu. Din hija xi ħaġa li qed tinkwietah bil-kbir lil Beppe Fenech Adami u kienet ir-raġuni vera għala kien hemm din ir-rebelljoni kollha minn Beppe Fenech Adami kontra Adrian Delia għaliex induna li dan kien ser joħroġ fuq l-istess distrett tiegħu u ser jeħodlu l-voti.

Matul din l-intervista, Beppe Fenech Adami ftaħar li fl-aħħar elezzjoni hu kien l-aktar kandidat li ġab voti fuq it-tmien distrett elettorali f’isem il-Partit Nazzjonalista. Hu żied li ġab aktar voti minn Adrian Delia u mill-Viċi Kap b’referenza ċara għal David Agius.

Jidher ċar li Beppe Fenech Adami kien ferħan li għadda lil Delia waqt li kixef l-istat ta’ animu tiegħu. Imma dak li ma qalx hu li dak li l-aktar kellu għal xix jinkwietah kien il-fatt li f’din l-elezzjoni hu naqqas il-voti. Fl-elezzjoni ta’ qabel, jiġifieri dik tas-sena 2017, Beppe Fenech Adami kien ġab aktar voti mit-2022. Fil-fatt, fit-2022, hu naqqas b’3867 vot li jiġu kważi 60%. Kieku għax mhux kunjomu, kieku dan il-politiku l-anqas jibda fil-Partit Nazzjonalista.

Dak li ma qalx Beppe Fenech Adami hu, li Adrian Delia li f’din l-elezzjoni ħareġ bħala kandidat u mhux kap. Hu ħareġ wara kampanja qalila kontra tiegħu minn Beppe Fenech Adami u sħabu. U wieħed irid jgħid Adrian Delia ma kellu l-ebda imbottatura bħal ma kellu u għandu Beppe Fenech Adami. Kif ngħidu bil-Malti, Adrian Delia iboss b’sormu u mhux b’sorm missieru!

Li ma qalx ukoll Beppe Fenech Adami hu li kemm hu u kemm Adrian Delia ħarġu fuq żewġ distretti. Fuq żewġ distretti, Adrian Delia ġab 4632 u Beppe Fenech Adami ġab 3469 jiġifieri globalment, Adrian Delia ġab 1163 aktar minn Beppe Fenech Adami. Dan jagħmel madwar 25% tal-voti iktar.

Dan jikkonferma li l-voti li qed iġib Beppe Fenech Adami mhux qed iġibhom minħabba l-ħidma tiegħu imma biss minħabba kunjomu u l-memorja ta’ missieru.

Naħseb li dan kellu jgħidu Beppe Fenech Adami biex ikun kredibbli. Jekk ma joqgħodx attent, kif tmut il-ġenerazzjoni li kienet tivvota lill-missieru, Beppe Fenech Adami l-anqas ser jinġabar fuq id-distrett li kien mitqies fewdu ta’ Eddie Fenech Adami!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *