Vassallo jakkuża lill-Gvern b’diżonesta dwar l-abort: il-PN u l-Knisja ma jagħmlu l-ebda reazzjoni għall-istqarrija tal-Prim Ministru

Edwin Vassallo tella’ video maħsub biex jqajjem diskussjoni. Dak li hu żgur li Vassallo qed ikun l-uniku leħen li qed iwieġeb għall-istqarrijiet tal-Prim Ministru Robert Abela f’dik li hija d-diskussjoni fuq l-abort f’pajjiżna. La l-Knisja u l-anqas il-Partit Nazzjonalista ma huma qed ikunu vuċijiet ta’ oppożizzjoni f’din il-kwistjoni.

Edwin Vassallo rreaġixxa għall-intervista li ta l-Prim Ministru lit-Times of Malta. F’din l-intervista l-Prim Ministru qal li ma għandux mandat elettorali biex idaħħal l-abort imma mbagħad qed jgħaddi liġijiet li fil-prattika qed jippermettu l-abort.

Quddiem din is-sitwazzjoni, kulħadd baqa’ sieket. Vassallo jiddeskrivi dan diskors mill-Prim Ministru bħala wieħed ta’ disonesta politika. Dak li jweġġgħek huwa li anki l-Knisja illum hija rieqda quddiem fatti bħal dawn. Hu fatt li l-mezzi tal-xandir qed jitmexxew minn aġenda liberali u l-media tal-Knisja hija f’konfoffa magħhom, anki jekk wieħed irid jgħid li l-ġurnalist ta’ The Times din id-darba fakkar lill-Prim Ministru li sal-lum l-ebda mara ma mietet minħabba nuqqas ta’ intervent mediku waqt it-tqala u l-ebda tabib ma ttella’ l-qorti talli intervena għar-raġunijiet ta’ saħħa waqt it-tqala. Mela għala għandna bżonn dawn l-emendi?

Għalhekk Vassallo għamel video biex juri li la darba, skond kif qal il-Prim Ministru Abela stess f’din l-intervista, ma għandux mandat elletorali biex idaħħal l-abort, min-naħa l-oħra ser jagħmel emendi fil-liġi biex isir l-abort. Din l-intervista turi li l-gvern ser idaħħal il-liġi biex tiddikriminilazza l-abort. Ser tidħol il-liġi li mara tista twaqqaf it-tqala tagħha bl-iskuza li jkollha diffikultajiet medikali waqt it-tqala.

Jidher li l-PN ser jibqa’ sieket fuq dawn l-emendi. Wieħed jinnota li l-PN diga’ ħareġ jiddikkjara li ser ikun kontra l-ewtanasja iżda għadu ma qal xejn jekk hux ser jkun qed jivvota kontra dawn l-emendi li ser idaħħal Abela. Reġa’ għadna Oppożizzjoni taħsibiha jekk hux ser tivvotta mal-gvern fuq din il-kwistjoni.

Il-PN qed jitlef l-awtorita’ morali tiegħu. Anzi ngħid li ġa tilifha. Bħal PN qed jiġġrilha l-Knisja. Il-Knisja u lill-PN qed jibqgħu siekta quddiem stqarrijiet konfliġġenti mill-gvern.

B’hekk Vassallo waħdu qiegħed joħroġ għonqu biex jiddefendi dak li jemmen fih. Il-medja liberali tiddeskrivi lil Edwin Vassallo bħala dinosawru. Fl-istorja dawn kienu ġew estinti. Iżda Vassallo qed juri li hu għadu hemm. Qed juri li għadu attwali u għadu jiġġieled għal dak li jemmen fih. Anki jekk issa qed jiġġieled waħdu, baqa’ jitkellem ukoll meta dawk li għandhom dmir li jitkellmu qed jibqgħu siekta.

Dan hu l-video li tella’ Edwin Vassallo fejn fih jitlob lill-poplu Malti jqum mir-raqda li jinsab fiha:

One thought on “Vassallo jakkuża lill-Gvern b’diżonesta dwar l-abort: il-PN u l-Knisja ma jagħmlu l-ebda reazzjoni għall-istqarrija tal-Prim Ministru

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *