Grazzi għal Adrian Delia u l-UHM jitwaqqa’ kuntratt li permezz tiegħu x-xufiera tal-linja mir-Renju Unit kienu ser jitħallsu aktar mix-xufiera Maltin

Adrian Delia tella’ post fuq il-Facebook page tiegħu fejn kiteb ċar li l-kumpanija li qed tmexxi s-servizz tal-karozzi tal-linja kienet qed tagħmel differenza enormi bejn xufiera Maltin u xufiera li ser jiġu mir-Renju Unit. Skont dan il-post, ix-xufiera Maltin qed jitħallsu bis-€7.30 fis-siegħa fil-waqt li dawk ix-xufiera li ġejjin mir-Renju Unit kienu ser jitħallsu bit-€18.50 fis-siegħa.

B’dan il-post, Adrian Delia kien qed jgħin lill-UHM fil-ġlieda tagħha biex il-ħaddiema jitħallsu inqas u ma jkunx hemm differenza bejn dawk Maltin u dawk li ġejjin mir-Renju Unit biex isuqu x-xarabanks tagħna. B’hekk permezz ta’ dan l-intervent ġie evitat sfruttament grandjuż minn kumpanija li taħdem f’pajjiżna maċ-ċittadini Maltin. Kif jista’ jkun wieħed jaċċettata anomalija bħal din minn kumpanija li qed tagħti servizz lill-Maltin? Sew għamlu l-UHM u Adrian Delia biex ġabu fix-xejn viljakkatura bħal din.

B’hekk dan il-kuntratt li fih kien ser ikun differenza enormi ta’ ħlas bejn il-ħaddiem Malti u dak barrani, li fuq kollox it-tnejn qed jagħmlu l-istess xogħol u jagħtu l-istess servizz, issa tħassar.

Kieku ma tħassarx, din kienet ser tkun daqqa ta’ ħarta f’wiċċ il-ħaddiem Malti għaliex kienet qed tkisser prinċipju legali ta’ equal pay for equal work. Din kienet deċiżjoni li kienet qed tagħti importanza speċjali lill-barrani mir-Renju Unit fuq iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Hawn qed nitkellmu fuq paga li kienet ser tkun kważi tliet darbiet aktar minn dik tal-ħaddiem Malti.

Fuq kollox, dawn ma kienux ser jagħtu xi servizz aktar professjonali minn dak li jingħata mix-xufiera Maltin. Għalhekk naqbel kemm ma’ Adrian Delia u l-UHM li ma għandux ikun hemm differenza bejn xufier u ieħor. Kollha qed jagħtu l-istess servizz, kemm jekk hu Malti, kif ukoll jekk barrani minn kwalinkwe pajjiżi. Għax għandu jkollhom differenza fil-paga meta qed isuqu l-istess vetturi u jwasslu lill-istess nies minn fuq stage għall-ieħor? Kieku kien għad fadal il-bendy buses u ser jinġibu xi esperti biex isuquhom forsi wieħed kien jibda jaċċetta din id-differenza, imma issa l-vetturi huma kollha l-istess u allura ma għandu ikun hemm ebda differenza.

Basta konna ngħajru lill-Inġliżi li fi żmien l-epoka kolonjali, dawn kienu jitħallsu aktar mill-Maltin tal-istess xogħol. Issa għandna gvern tal-Lejber u żviluppat din l-istess sitwazzjoni.

Jekk ma hawnx ħaddiema biżżejjed Maltin li lesti jsuqu l-buses, il-kumpanija għandha toffri salarji aħjar, bħal ma kienet ser toffruti lill-barranin mill-Ingilterra u ibqa’ żgur li kienu jsibu ħaddiema Maltin biex isuqu dawn il-karozzi tal-linja.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *