X’ser jagħmel il-Ministru tal-Intern issa wara li sar rapport ieħor lill-pulizija kontra d-Direttur tal-Ħabs dwar allegatament theddid?

Dan is-sit jinsab infurmat li sar rapport fl-għassa tal-Pulizija kontra d-direttur preżenti tal-Ħabs, Robert Brincau, dwar theddid.  Napprezza jekk il-Ministru tal-Intern jistax jikkonferma jekk din hix minnha jew le.

Wieħed irid jiftakar li d-Direttur tal-Ħabs preżenti, Robert Brincau, huwa għaddej minn proċeduri kriminali fil-Qorti fuq allegat theddid li hu għamel f’Awwissu li għadda.  F’Awwissu li għadda, Robert Brincau allegatament hedded xufier tal-ambulanza bil-pistola tax-xogħol li hi rreġistrata taħt l-Aġenzija għas- Servizzi Korrettivi.

Skont sorsi nfurmati tajjeb, ftit tal-ġimgħat ilu, allegatament Robert Brincau hedded l-ġarr tiegħu tant li l-istess ġarr, li huwa bniedem professjonali, għamel rapport fl-għassa tal-Pulizija tal-Qawra.

Sorsi ta’ min joqgħod fuqhom qalulna li l-pulizija ser tipproċedi fil-Qorti kontra d-Direttur tal-Ħabs Robert Brincau fil-ġimgħat li ġejjin minħabba dan il-każ.  Dan ser ikun it-tieni każ ta’ theddid min-naħa ta’ Brincau fi spazju ta’ ftit ġimgħat li l-pulizija qed ikollha tinvestiga.

Wieħed irid ifakkar li l-Ministru Byron Camilleri ddefendi lil Brincau. Wieħed jistaqsi, jekk dan l-allegat theddid hu minnu, il-Ministru Byron Camilleri ser jerġa’ jaqbeż għal Robert Brincau u ma jitlobx li jissospendi ruħu?

Ta’ min jgħid li l-Ministru Byron Camilleri qed iġib ruħu differenti minn kif ġab ruħu Owen Bonnici. Meta Bonnici ġie ffaċċjat b’akkużi ta’ atti kriminali dwar is-CEO tal-Orkestra, dan wassal biex is-CEO ġie sospiż.

Wieħed irid jiftakar li l-orkestra titmexxa minn bord.  L-istess reġa’ għamel il-Ministru Bonnici meta ffaċċja b’każ ieħor ta’ abbuż fil-Manoel Theatre.  Is-CEO tal-Manoel Theatre ġie sospiż.

Imma jidher li Byron Camilleri jaħdem differenti u bħalu jidher li qed jaħdem differenti l-Ministru ta’ Għawdex li qed jiffaċċja każ ta’ qtil involuntarju imma l-persuna involuta ma ġietx sospiża.

Il-punt hu dan. Byron Camilleri huwa parti mill-istess gvern. Mela ma jistax jaħdem differenti minn ministri oħra.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *