Karmenu Mifsud Bonnici u l-kitba mill-ġdid tal-istorja
Bħalissa, ħafna qed jiktbu u jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom ta’ Karmenu Mifsud Bonnici. Il-kitba hija waħda posittiva. Fuq kollox, hija fit-tradizzjoni Kristjana li meta wieħed imut, wieħed jitkellem fuq il-posittiv tal-individwu.
Karmenu Mifsud Bonnici ma kienx xi bniedem kwalunkwe. Kien ukoll politiku u anki prim ministru. Kien prim ministru meta jien kont fiż-żgħożija tiegħi. L-impatt politiku tiegħu fuqi bħala żagħżugħ kien ftit negattiv. Jien kont nattendi skola privata. L-impatt ta’ Karmenu Mifsud Bonnici bħala politiku kien dak li ried jagħlaq dawn l-iskejjel.
Nifhem li fil-verita’ ma kienx il-bniedem wara din l-istrateġija. Din l-istrateġija riedha Dom Mintoff. Mintoff ħoloq din l-istrateġija kollha biex iqiegħed lill-Knisja daharha mal-ħajt ħalli l-Arċisqof Gużeppi Mercieca jimponi xi skomunika fuqu u d-dnub il-mejjet fuq min jivvota lill-Partit Laburista. B’hekk ikun jista’ jpinġi lill-Lejber bħala vittma. Il-Lejber kien sejjer ħażin f’dik il-ħabta kemm internament u anki mal-elettorat. U Mintoff kien persuna li ma jafx jitlef. Imma Mercieca ma kienx Gonzi. Gonzi kien bniedem tal-Kottonera u meta kien jara l-barri ġej, kien joħroġlu għan-nofs. Mercieca kien Għawdxi. Meta ra l-barri ġej, warrablu u b’hekk il-barri daħal fil-ħajt u mhux ġo fih!
Niftakar li Mintoff jibda din l-ġlieda l-ewwel billi jattakka l-artijiet tal-Knisja u wara l-iskejjel. Dik tal-iskejjel imponiha fuq Philip Muscat li kien il-Ministru tal-Edukazzjoni imma Muscat ma riedx jagħmilha. B’hekk Mintoff għamel reshuffle u ta lil Karmenu Mifsud Bonnici. Mifsud Bonnici kien daħal fil-Parlament permezz ta’ co-option wara li kien irreżenja Pawlu Xuereb. B’hekk seta jispiċċa Ministru tal-Edukazzjoni u spiċċa anki deputy Prime Minister u eventwalment Prim Ministru. Wieħed irid jgħid ukoll li meta leħaq prim ministru pprova jirranġa xi ftit mill-ħsara li kienet saret billi appunta lil Daniel Micallef Ministru tal-Edukazzjoni u l-Ambjent u Micallef kien ħalla impatt tajjeb u nnewtralizza xi ftit mill-ħafna ħsara li kienet saret.
Ma kienux żminijiet faċċli. Kien żmien meta Karmenu Mifsud Bonnici ħareġ mal-ħaddiema tat-Tarzna fuq it-trakkijiet u li spiċċaw biex kissru l-kurja. Meta kien prim ministru, ħalla l-pulizija tingħaqad ma’ partitarji Laburisti li ma ħallewx li jsir mass meeting Nazzjonalista ġewwa ż-Żejtun.
Meta hu kien prim ministru, inqatel Raymond Caruana u meta kien prim ministru kien hemm il-ħtif tal-Egyptian Air u l-mod kif mexxa l-affarijiet ġab massakkru. Il-każ tal-Egypt Air wera kemm il-liġi hija ħmar. Dak il-massakkru sar għaliex Karmenu Mifsud Bonnici kien irrifjuta li jsejjaħ l-Amerikani jew lil Lhud biex jgħinu ħalli jitterminaw dan il-hijack għaliex din kieku sar hekk setgħet ġiet imxellfa n-newtralita’. Argument li ma jreġġix. Li kieku ntalbet l-għajnuna tal-Amerikani jew l-Israeliti ma kienetx ser tinkiser in-newtralita’. Imma kien il-perjodu tal-gwerra l-bierda u newtralita’ kienet qed tiġi mifħuma kif illum qed nifhmu u nargumentaw fuq issues tal-ġeneru b’mod żelotiku u bużbetiku.
Fl-1987, il-PN mar fil-gvern u Karmenu Mifsud Bonnici spiċċa l-kap tal-Oppożizzjoni. L-istejjer komplew. Kienu ġew sparati tiri fuq xarabank turisti – imma din l-istorja kienet inżammet low profile ħafna. Kienu anki ġew mkissra l-qrati. Imbagħad kien għaqli biżżejjed biex wara t-telfa elettorali tal-1992 jirreżenja minn kollox. Għal bidu ried lil Ġorġ Vella kap tal-partit. Vella kien irrifjuta. U b’hekk ħalla proċess liberu li wassal biex il-Lejber rebaħ l-elezzjoni tal-1996.
Waqt il-funeral ta’ Dr Karmenu Mifsud Bonnici, in-neputi tiegħu għamel il-priedka imma ma semma xejn dwar dan kollu. Forsi dan kollu jista’ jidher surrejali meta jkollok l-Isqof Galea Curmi jarmi dak kollu li għaddejna minnu fis-snin 80 taħt zijuh Karmenu Mifsud Bonnici. Imma dan hu mistenni fi priedki bħal dawn, anki kieku ma kienetx ċelebrazzjoni ta’ xi ħadd tal-familja. Qal biss li fil-familja, l-ideat politiċi kienu maqsumin. Fuq kollox Karmenu Mifsud Bonnici beda l-mixja tiegħu bħala parti mill-ġunta djoċesana favur l-arċisqof Gonzi.
Ma naħsibx li Mons Galea Curmi kien qed jipprova jerġa’ jikteb l-istorja. Hu ċar li l-Knisja ma tridx tirreferi għal dawn l-avvenimenti li tagħhom kienet vittma. Nifhem li fuq l-kamp oppost, l-istorja tas-sittin qed tintuża biex tkun attakkata l-Knisja ħalli titmexxa aġenda hekk imsejħa progressiva, anki jekk issa din qed tispoldi f’wiċċ min qed imexxiha għaliex dak li qed tagħmel hija biss tħalli vittmi mat-triq.
Imma iżjed surreali hu kif l-arċisqof Scicluna ħa din l-opportunita’ tal-mewt ta’ Karmenu Mifsud Bonnici biex imur il-Headquarters Laburista biex jiffirma il-ktieb tal-kondoljanzi. Hu interessanti kif din iż-żjara ġiet “diluted” jew “downscaled” ħafna mill-istess Partit Laburista meta tqis li l-arċisqof ġie milqugħ minn Randolf Debattista u mhux mill-mexxej tal-istess partit.
Nifhem li fl-istorja, persuna trid tiġi mpinġija kemm jista’ jkun skont ir-realta’ li kienet, anki jekk xogħol l-istorja huwa li tipprova tiċċelebra il-ħajja.
Fuq livell personali, jien ukoll kelli l-okkazzjoni li niltaqa’ personalment ma’ Karmenu Mifsud Bonnici. Iltqajt miegħu meta kien kap tal-Oppożizzjoni. Kien laqqagħni miegħu fil-Maċina, Mario Cacciottolo. Kien organizzaha għaliex konna nitkellem ħafna ma’ Mario Cacciottolo dwar il-politika u kien jaf ir-riservi li kelli. Kienet laqgħa kordjali ħafna miegħu. Niftakar li wara li spiċċajt inkellmu, kellu lil xi ħadd li ried ikellmu. Kien raġel tax-xogħol li kellu xi problemi. Dak li nista’ ngħid li wara din il-laqgħa, aktar issaħħat fil-prinċipji Konservattivi tiegħi.
F’dik il-laqgħa fhimt kemm hu diffiċli għal kull politiku, li jidħol fi struttura ta’ partit mingħajr ma jkun tela’ fiha. Karmenu Mifsud Bonnici kien jaf li ġie impost minn Mintoff biex iwaqqaf il-mixja ta’ Lorry Sant għat-tmexxija tal-Partit Laburista u waqt li kien għaddej b’dan kollu, Mintoff ipprova jqajjem kwistjoni mal-Knisja biex idawwar l-attenzjoni l-bogħod mill-Lejber. Karmenu nqabad bejn dawn il-kurrenti kollha. Naħseb li ġenwinament għamel l-almu tiegħu kollu biex jipprova jsib bilanċ.
Imma kien hemm prinċipju wieħed li Karmenu Mifsud Bonnici baqa’ b’saħħtu dwaru u ma biddel fhemtu qatt fuqu. Kien kontra l-Unjoni Ewropea u baqa’ kontriha sal-aħħar, anki meta l-Lejber biddel ir-rotta. U naħseb li dan il-prinċipju, li hu prinċipju qadim Bormliż li twieled fih, dak ta’ “frangar non flectar” jew “lest nitkisser imma ma nitgħawwiġx” salvah fuq livell Nazzjonali minkejja d-disfatti kollha li politikament għadda minnhom. Dak li l-aktar qed ikun ammirat għalih huwa dan il-punt, li żamm sod mal-prinċipji li ħaddan u meta kien iħaddan xi prinċipju, dan ma kien jabbandunah jew jiċħdu qatt.
Għalhekk jekk irridu nkunu emmnuti ma nistgħux nippruvaw innessu s-sewwa magħruf jew inġibu ruħna bħal xi pinnur. Ma nistgħux nippruvaw insibu u nelenkaw dak kollu tajjeb li l-persuna tkun wettqet tul ħajjitha u nħallu barra dawk l-affarijiet oskuri li kellha kontroll fuqhom l-istess persuna u ħallithom isiru.
Imma mbagħad irridu nagħmlu s-somom. Dak li kien Eddie Fenech Adami wara l-mewt ta’ Dom Mintoff jgħodd ukoll għal Karmenu Mifsud Bonnoici. Meta tmut persuna fil-politika irridu naraw jekk it-tajjeb li dik il-persuna tkun għamlet f’ħajjitha jisboqx il-ħażin tagħha. Fil-każ ta’ Karmenu Mifsud Bonnici, it-tajjeb tiegħu jisboq ħafna aktar mill-ħażin li sar fi żmienu.

Karmenu Mifsud Bonnici jindirizza meeting tal-Ġunta kontra Dom Mintoff fil-bidu tas-sittinijiet.
Taf xnaf li bis-sahha ta Mintoff u Karmenu l-iskejjel
tal-knisja ghadhom b’xejn sal-lum.
U hafna tfal tal-haddiema jattendu fihom minghajr tbatija zejda finanzjarja ghal familthom.
L-istorja ma jbiddilha hadd.
Missek ghidtu dan Simon.
Mhux ser nidhol fid-dettall imma trid tiftakar li mhux L-iskejjel tal-knisja nghalqu Anki dawk privati. St Edwards ma baqghetx topera ukoll. Qed insemmi dan biex nuri li kien kwistjoni aktar komplessa u mhux relata ta biss ma glieda ta’ klassi. Finalment L-istat hu fid-dmir li jipprovdi skejjel tajba. Li gara kien li saru hafna esperimenti fuq L-iskejjel pubblici li farrku dawn L-iskejjel. Missier kien haddiem u xorta ghazel li jibghatni tal-knisja. Infakkrek li tant kienu hziena ir-riformi li ghamel Mintoff li ga taht Philip Muscat kien hemm u-turn u kkrea mill-Gdid il-lyceum li hu kuncett ‘elitista’ Franciz fil-qasam edukattiv.
Taf x’naf, Profs, li Fenech Adami xajtnu lil sieħbu antik bl-iktar mod anti Kristjan. L-intriċċi diaboliċi strateġiċi li saru dak iż-żmien minn imħuħ nazzjonalisti li riedu l-poter lura kienu xi ħaġa inkredibbli. Użaw kull mezz biex jaslu għall-għan aħħari kif għallem Macchiavelli… u waslu. Provi ta’ dan kollu trid tarahom f’dak li sar wara r-rebħa Nazzjonalista fejn min ġie promoss tipo supretendent akkużat bil-Fframe-ups għall Ass Kummissarj, jew imħolli baruni f’postu tipo l-GM tat-Telemalta. Oħrajn klikka troublemongers m
ġew mgħotija qeqqe u terġax mill-qorti u bħal ‘pupa’ biddel l-allejanza.
Illum sirt tara u semmi ħafna minnhom fan it-tip ta’ intriċċi. Żgur li saru qabel meta kien żmien li nsaqsu ħafna inqas mistoqsijiet. X’taħseb, Profs?
Profs, naqbel miegħek f’ħafna mill-punti li semmejt. Jien għext l-esperjenza tal-ġlieda tal-iskejjel min-naħa l-oħra fi skola tal-gvern u aħna konna batejna ħafna wkoll. Naħseb bħal f’kull episodju fl-istorja, il-kwestjoni tal-iskejjel għandha tiġi analizzata minn diversi angoli – anke mil-lat tal-qagħda tal-iskejjel tal-knisja fil-preżent. Nispera li storiku akkademiku tat-tip tiegħek xi darba jidħol aktar fil-fond ta’ din il-kwestjoni.
Artiklu ta bilanc relattivament tajjeb min posizzjoni ta bias politiku anti K M B . It tajjeb ta din Il post hi li ma waqajtx personali kif Il maggoranza Tal anti KMB’s jaqaw ghaliha , fejn l’attakki personali mill bicciet PN hija l’unika arma li fadlilhom
Nahseb li ma tistax taghti xi tort fuq l Egyptair.
Jekk il commandos egizzjani ghamlu dizastru bl ispluzjoni li kienet esegerata dik kienet responsabilita taghhom.
Li ma semmejt huwa li l-artijiet li kellha il Knisja kienu kwasi kollh misruqin min ghand il Poplu waqt l-agunija tal Familja
Sur Mercieca , ftit ta korrezjioni. La mMintoff u wisq Karmenu ma riedu jalqu l’iskejjel tal knisja imma riedu li l’iskejjel ikunu bxejn. Taz Żejtun trid issemmi meta konna kwazi fil gwerra civili bin nazzjionalisti isibulghom l’Arno fil qwartiri taghhom? Dak innar kellu ragun ghax EFA glied ried biex jerbah l’elezjioni. U skuzi l’istorja tal partit ahna niktbuwa u mhux xi nazzjionalist ippatentjat.