Il-kommunita’ tan-negozju ta’ Naxxar Road Birkirkara rrabjati minħabba l-mod ta’ kif qed isir ix-xogħol f’din it-triq.
Is-sidien tal-ħwienet f’Naxxar Road Birkirkara nfurjati minħabba l-mod ta’ kif qed isiru xogħlijiet f’din it-triq. Il-biża’ tas-sidien huwa li dawn ix-xogħlijiet ser jibqgħu għaddejjin sa żmien il-festi u b’hekk ser ikunu qed jitilfu n-negozju tagħhom. Sidien ta’ ħwienet f’din it-triq ikkuntattjaw lil dan is-sit u esprimew ir-rabja tagħhom, peress li skont huwa, dawn ix-xogħlijiet ilhom għaddejjin diversi xhur. Huma mhux kontra x-xogħlijiet imma l-anqas ma hu sew li xogħlijiet fuq toroq, b’mod speċjali dawk kummerċjali, jdumu x-xhur meta f’pajjiżi Ewropej dawn jibdew u jitlestew fi ftit jiem.
Infakkar li għan-nies tan-negozju, issa qed jasal iż-żmien fejn jirkupraw ftit. Il-festi tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena huma importanti għaliex huwa f’dawn il-jiem, jew aħjar f’dawn ix-xahrejn, is-sidien tal-ħwienet jirkupraw flushom. Infakkar li numru ta’ ħwienet f’din it-triq qegħdin fuq kirja u b’hekk qed iħossu n-nuqqas ta’ bejgħ imħabba dawn ix-xogħlijiet. Għalhekk matul dawn ix-xahrejn, ma jkunux jixtiequ intoppi. Ġa kellhom ħafna matul dawn is-sentejn minħabba l-Covid. lssa dan kien jonqoshom!
Min-naħa tagħhom is-sidien japprezzaw l-għajnuna li ngħatat lilhom mill-gvern fi żmien il-covid, imma jinsabu nkwetati ferm kemm għalihom infushom bħala sidien kif ukoll għall-impjegati li jaħdmu magħhom għaliex is-sitwazzjoni ġiet agħar minn żmien il-covid minħabba d-dewmien biex jitlestu dawn ix-xogħlijiet.
Għalhekk, huma qed isostnu li dawn ix xogħlijiet jew jitlestaw malajr u b’malajr qed jifhmu malajr u mhux jibqgħu għaddejjin sa wara l-ewwel tas-sena. Jekk le, għandhom jiġu sospizi immedjatament u jitkomplew wara l-festi. Għal ħafna minnhom l-aħjar soluzzjoni hija li dawn ix-xogħlijiet jitkomplew wara l-festi.
Infatti kif juri dan ir-ritratt meħud il-lum, din hija Naxxar Road u tinsab vojta min-nies. Normalment, f’dan il-ħin li ttieħed dan ir-ritratt, din it-triq tkun mimlija nies.

S’issa ix-xogħlijiet waslu sa ħdejn Falzon Station. Il-kumplament tax-xogħlijiet mistenni jitkompla fil-jiem li ġejjin imma x-xogħol qed isir bit-tnikkir.

