Għala Bernard Grech, il-PN u r-Repubblichini ma semmew xejn dwar il-konnessjonijiet ta’ Joseph Muscat mal-kuntrattur Michael Stivala?

Il-Ħadd li għadda, The Sunday Times tatna storja dwar kuntrattur u l-konnessjonijiet tiegħu ma’ Joseph Muscat. Din l-istorja ġiet ippubblikata lejlet li Bernard Grech għamel ir-risposta tiegħu għall-baġit tal-Gvern.

Dak li laqatni kien il-fatt li l-Kap tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, Bernard Grech ma għamilx referenza għal dan il-kuntrattur bħala tweġiba għad-diskors tiegħu għall-baġit li ppreżenta l-Ministru tal-Finanzi. F’din it-tweġiba, jien kont qed nistenna lil Bernard Grech jgħid xi ħaġa dwar l-istorja li kixfet s-Sunday Times dwar ix-xogħol ta’ konsulenza li ġie mogħti l-eks-Prim Ministru Joseph Muscat minn ċertu kuntrattur Michael Stivala.  Dan hu wieħed mid-developers ewlenin imma li ismu ftit li xejn jissemma’ fl-aħbarijiet meta mqabbel ma’ Joseph Portelli ta’ Għawdex.

Jien kont nistenna li Bernard Grech jidħol fis-sustanza ta’ din l-istorja li s-Sunday Times ppubblikat lejlet id-diskors tiegħu bħala tweġiba għad-diskors tal-baġit. Imma bqajt b’xiber imnieħer. L-anqas kien hemm xi follow up fil-jiem li għaddew mill-media tal-Partit Nazzjonalista. Din id-darba, l-anqas ir-Repubblichini ma ndenjaw jorganizzaw xi protesta. L-anqas Matthew Carauna Galizia ma ndenja jonorana b’xi tweet biex jgħidilna kemm hu korrott Stivala għaliex ħeqq min jagħmilha ma’ politiċi korrotti hu korrott!

Min-naħa tiegħi, jien mhux ser nidħol fis-sustanza ta’ din l-istorja. Imma meta tara li l-kap tal-Oppożizzjoni, ir-Repubblichini u l-anqas il-media tal-PN ma tgħid xejn dwar din l-istorja jibda jiġik is-suspett li dan Stivala hu qrib ukoll il-Partit Nazzjonalista.  

Ġa hemm għejdut li Joseph Portelli huwa qrib il-PN, kif hemm l-għajdut li hu qrib il-Partit Laburista.  Jekk toħroġ xi storja li Portelli hu qrib il-Lejber jew li hu frontman ta’ xi politiċi tal-gvern mhux ser tkun kbira għaliex tkun mistennija.

Imma fil-każ ta’ Stivala, fil-kuruturi tal-Partit Nazzjonalista ma jitkellmux b’għajdut. Fil-każ ta’ Stivala, fil-kurutur tal-kwartieri tal-PN jitkellmu bil-fatti.  Ħafna qed jistaqsu għala l-PN mhux jattakka lil Stivala? Hemm min qed jistaqsi wkoll jekk il-PN mhux qed jattakka lil Stivala għaliex dan hu mħallat mad-deputat Nazzjonalista Ryan Callus?  Wieħed irid jiftakar li l-mara ta’ Callus, Maria, kunjom xbubitha hu Stivala. Minħabba f’hekk, jien bagħat mistoqsijiet lil Ryan Callus fejn staqsejtu jekk l-kuntrattur Stivala jiġix mill-mara tiegħu. Fuq kollox, staqsejt lil Ryan Callus jekk qattx Stivala kellu kuntatt miegħu. Il-kommunikazzjoni li bagħtlu hija din:

Nixtieq nagħmillek mistoqsija relatata mal-istorja li ġiet ippubblikata mis-Sunday Times l-Ħadd li għadda dwar l-imprenditur jew kostruttur Stivala.

Tikkonferma li dan jiġi mill-mara tiegħek?

Fi kliem iehor tikkonferma li dan hu pparentat mal-mara tiegħek?

It-tieni tikkonferma li inti tafu personalment?

Sallum jien għadni bla tweġiba.

Wieħed irid jiftakar li l-istess Ryan Callus kien impjegat tal-MEPA.  L-istess Callus serva fuq bordijiet tal-MEPA f’isem l-oppożizzjoni u aktar tard kien fuq il-bord tal-Awtorita’ tal-Artijiet.

Immaġinaw li kieku kien hemm xi parentela bejn Adrian Delia u Michael Stivala, kieku r-Repubblichini ġa ħarġu jipprotestaw fit-toroq, l-arċisqof Scicluna ġa onorana b’xi tweet ta’ kundanna u Jacob Borg ta’ The Times ġa ta s-sinjal lil sħabu biex tinbeda kruċjata qaddisa kontra Adrian Delia fil-mainstream media kollha biex jgħidulna li Joseph Muscat u Adrian Delia huma xriek flimkien u b’hekk jitolbu għar-reżenja tiegħu mill-parlament!

2 thoughts on “Għala Bernard Grech, il-PN u r-Repubblichini ma semmew xejn dwar il-konnessjonijiet ta’ Joseph Muscat mal-kuntrattur Michael Stivala?

  1. Great piece! Accurate insinuation of potential moves by covert political allies! Fully demonstrates why no one approves of this deceitful lot except those that lost heavily in March 2013.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *