Ir-Repubblichini ser jgħajru lil Roberta Metsola Faxxista wara li ltaqgħet ma’ Giorgia Meloni?
Jien kont wieħed mill-ftit fil-Partit Nazzjonalista li kont ninsisti li t-triq tal-Partit Nazzjonalista il quddiem kienet fl-ideoloġija konservattiva. Din kienet il-pożizzjoni tiegħi fl-2013 u kont ninsisti li kieku l-Partit Nazzjnalista mar fuq din il-linja, illum qiegħed fil-gvern.
Minħabba li ħadt din il-pożizzjoni ġejt mgħajjar Faxxista mill-Woke tal-PN. Roberta Metsola kienet tħares bl-ikrah lejja. Id-deċiżjoni kienet li l-Partit Nazzjonalista irid isir woke kif bdew jgħidulu l-Ewropej. Ried jinża’ minn dak kollu li jagħmlu Kristjan jew aħjar id-dekristjanizzazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.
Issa x’ser jagħmlu l-woke li hemm fil-PN u r-Repubblichini wara li Roberta Metsola laqgħet il-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni fi Brussell?
Metsola kitbet fuq il-medja soċjali tagħha li hija laqgħet lil Meloni fil-Parlament Ewropew fl-ewwel mawra ta’ Meloni barra l-Italja. Metsola kompliet tgħid li t-tnejn kellhom diskussjoni miftuħa u kostruttiva dwar l-isfidi li l-pajjiżi Ewropej għaddejjin minnhom bħalissa. Huma tkellmu fuq il-prezzijiet għoljin tal-enerġija, fuq l-inflazzjoni li qed tkompli tiela’ u fuq it-tweġiba tal-Ewropa għall-kriżi maħluqa mir-Russja meta invadiet lill-Ukraina. Huma qablu li jekk il-pajjiżi Ewropej jibqgħu magħqudin flimkien isibu s-soluzzjonijiet. Qablu wkoll li jħossuhom aktar b’saħħithom jekk jibqgħu flimkien.
Wieħed irid jiftakar li kien hemm ħafna Repubblichini li kif rebħet Meloni qagħdu jiktbu kontra tagħha u l-Gvern leġittimu Taljan u spiċċaw jgħajru lil Meloni Faxxista.
Roberta Metsola ġiet titmejjel minn dan kollu għax laqgħetha b’idejha miftuħa. Basta mexxiet partit fuq it-triq tal-Woke. Nixtieq insemmi persuna waħda, in-nutar Alan Abela-Wadge li għajjarni Faxxista għaliex kont nitkellem favur il-lemin Taljan u ngħid li dawn mhux Faxxisti.
Issa anki Metsola spiċċat tħaddan il-fatt li dawn m’humiex Faxxisti. Imma l-aqwa li kellna partit immexxi minn Beppe Fenech Adami u Daphne Caruana Galizia li rieduh jimxi fuq il-linji ta’ David Cameron u jippreżentawh bħala l-idolu tagħhom. Jien kont niġbed l-attenzjoni li din kienet traġedja. Cameron spiċċa biex bil-politika tas-sold u nofs tiegħu, jiġrilu dak li ma xtaqx. L-Ingliżi vvuttaw favur li joħorgu mill-Unjoni Ewropea meta hu orkestra kollox biex l-Gran Brittanja tibqa’ fl-Ewropa. Fuq kollox, bil-politika tiegħu, Cameron kisser il-Partit Konservattiv Ingliż. Illum, l-esperti politiċi u l-istoriċi ġa qed jirrikonoxxu li l-inkwiet li hemm illum fil-Partit Konservattiv Ingliż imur għall-politika żbaljata ta’ Cameron.
B’din l-attitudni tagħha Metsola qalet lil min jikkritika lil Meloni u l-Gvern tagħha li dment li l-Gvernijiet ikunu lesti li jaħdmu mal-Unjoni Ewropea, hija lesta li tiltaqa’ ma’ kulħadd. U b’din l-attitudni Metsola ġiet titmellaħ minn dawn il-ħafna ġurnalisti woke li hija stess kienet u għada tisponsorja ibda mill-Malta Today, għax taf fil-fond ta’ qalbha li l-futur tal-Ewropa ma hux woke imma kellha bżonn il-woke biex tispiċċa fejn spiċċat.
Imma l-aqwa li l-Partit Nazzjonalista intela’ b’esperti woke li daħħluh fil-ħajt. Imbagħad meta ndunaw li kienu fuq in-naħa ħażina tal-istorja, ma ddejqux jibdlu l-pożizzjoni tagħhom biex isalvaw il-karriera politika tagħhom, għaliex għalihom l-ewwel il-pappa u mbagħad l-umpappa, jiġifieri l-ewwel il-paga u mbagħad il-prinċipji.
Kif kien jgħid tant tajjeb Nerik Mizzi, biex partit jibqa’ politikament jeżisti, għandu jagħmel bil-kontra, jiġifieri l-ewwel il-prinċipji u mbagħad il-flus.
