Le sur ministru: l-art hija pubblika u l-poplu għandu dritt ikun jaf lil minn ġew mogħtija l-bajjiet tagħna

Minn osservatur politiku

L-informazzjoni hija sensittiva u għalhekk ma tistax tingħata. Hekk irrisponda l-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo għall-mistoqsija parlamentari magħmula minn membru tal-Oppożizzjoni. Mela issa ħadd ma jista’ jkun jaf x’qed iħallas min qed jingħata il-konċessjonijiet fuq art pubblika għaliex informazzjoni fuq konċessjonijiet dwar bajjiet saret waħda sensittiva!

Għalhekk, il-Ministru kkonċernat ma tax informazzjoni dwar il-bajjiet ta’ Kemmuna, Fra Ben u r-Ramla. Informazzjoni dwar il-liċenzja biex ikunu jistgħu ipoġġu d-deckchairs dawn l-operaturi ma tinteressa lil ħadd skond dan il-ministru. Imma ta’ min jgħid li b’dan l-argument tal-ministru llum ħadd ma jista’ jkun jaf kemm dawn l-operaturi qed iħallsu tagħha u kemm qed jaqilgħu minnha. Allura ma nistgħux inkunu nafu għalfejn ikun hemm pika u ġlied bejn l-operaturi biex jakkwistaw din l-art fil-bajjiet Maltin.

Il-Ministru Bartolo ħa vizzju jwieġeb b’dan il-mod għal kull mistoqsija parlamentari li ssirlu fuq is-suġġett ta’ kirjiet. Dejjem iġib l-iskuża li l-informazzjoni hija sensittiva qisna qed nikxfu xi sigriet tal-iStat. Fuq kollox din hija art pubblika li l-Ministru qed jiddeċiedi fuqha għal żmien qasir sa kemm idum fil-politika. L-ewwel ikollna tweġibiet li l-informazzjoni trid iż-żmien biex tinġabar, imbagħad joħorġu b’risposta ta’ sensittivita’.

Il-Ministru sieħbu, Silvio Schembri, mar pass oltre fuq l-istess tip ta’ mistoqsijiet. Huwa kkonċeda li għalkemm l-informazzjoni hija sensittiva ser jagħti ċ-ċans lill-membru parlamentari li qed tagħmel il-mistoqsijiet biex tara l-informazzjoni rikjesta b’mod personali li xorta ma tistax toħroġ fil-pubbliku.

Imma dawn l-affarijiet kif jiġu aċċettati? Dawn huma flus il-poplu li l-politiċi jamministraw. Il-politiċi u l-ministri għandhom jinżammu personalment risponsabbli meta jagħtu tweġibiet bħal dawn. Allura għaliex ma tistax toħroġ l-informazzjoni għall-użu pubbliku?

Tajjeb li l-poplu jkun jaf x’qed jiġri b’żoni pubbliċi u kif qed jiddeċiedu l-politiċi fuq kwestjonijiet bħal dawn. Għandu jsir ġudizzju politiku jekk il-Ministru jkunx verament qed jissalvagwardja l-proprjeta’ pubblika jew le meta jagħti konċessjonijiet ta’ dan it-tip li finalment ifissru li jekk issa l-poplu jrid jużahom irid iħallas lill-operaturi li l-istess ministru tahom dawn il-konċessjonijiet.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *