Jekk japplika xi konsulent legali jew membru tal-kumitat tal-ħatra għall-imħallfin jew maġistrati x’ser jiġri?

Bħalissa hemm miftuħa l-applikazzjonijiet għall-ħabtra ta’ imħallfin. Ġa qed jissemmgħu ħafna ismijiet. Jien mhux ser nidħol fuq l-applikazzjonijiet jew fuq dawk li qed japplikaw. Imma ejja nagħmlu l-argument li japplika xi ħadd li hu fuq il-bord tal-kumitat tal-għażla jew jagħti xi konsulenza lill-istess kumitat. X’ser jiġri? Għalhekk qed nikteb dan l-artiklu biex nuri kemm kienet żbaljata d-deċiżjoni ta’ dan il-gvern li jħalli l-għażla tal-imħallfin f’idejn kumitat u ma baqatx f’idejn l-esekuttiv jiġifieri f’idejn il-gvern jew aħjar il-Prim Ministru.

Naf u nifhem li s-sistema li mħallef jew maġistrat jintgħażel mill-esekuttiv ma kienetx perfetta imma żgur li kienet aħjar minn din is-sistema li wikkewlna tal-Venice Commission. Infakkar li aħna mxejna fuq tradizzjoni Ingliża fil-kamp ġuridiku għal dawn l-aħħar mitejn sena. Fl-Ingilterra ma hemmx diviżjoni bejn l-esekuttiv u l-ġuridiku fil-mod kif din id-diviżjoni tinftiehem fl-Ewropa u l-Ingliżi għandhom raġun. Fuq kollox, l-ebda sistema ma hija perfetta.

Għalhekk qed nitkellem fuq il-mod kif illum qed jintgħażlu l-imħallfin u l-maġistrati. Ejja għall-mument ngħidu li applika xi ħadd li hu avukat u membru ta’ dan il-kumitat jew hu konsulent ta’ dan il-kumitat. Jekk jintgħażel, kulħadd jgħid – ħeqq dan għażluh sħabu li tagħhom kien konsulent jew kienu membri miegħu. Jekk ma jintgħażilx, jgħidu ara persuna li kien qed jagħti konsulenza jew kien membru fuq dan il-bord ma ntgħażilx biex ikun mħallef jew maġistrat. Mela kif dan kien qed jagħti konsulenza jew kien membru fuq il-bord meta llum nafu li l-anqas hu tajjeb biex ikun imħallef jew maġistrat?

Meta l-maġistrati u l-imħallfin kienu qed jintgħażlu mill-esekuttiv ma kienx hemm din id-dilemma. L-unika akkuża kienet li persuna li qed tingħażel setgħet kienet ġejja mill-istess partit li jkun qed jagħmel din l-għażla. Biss it-tibdil fil-gvern kien jiggarantixxi li jingħażlu mħallfin minn kull naħa tal-ispectrum politiku u din kienet qed tikkrea bilanċ fil-ġudikatura. Barra l-fatt li mhux dejjem ġew magħżula imħallfin jew maġistrati li kienu nies mill-istess partit. L-aktar wieħed li mill-Indipendenza ‘l hawn ma għażilx imħallfin jew maġistrati li kienu mitqiesha tal-partit tiegħu, kien Dom Mintoff. Fuq kollox, anki meta ntgħażlu nies tal-partiti, dawn wrew kemm kienu kapaċi jkunu indipendenti u mparzjali, ħafna darbi aktar mill-oħrajn li fil-beraħ ma kienux marbuta mal-ebda partit.

B’hekk meta l-esekuttiv kien qed jagħżel nies tal-istess partit fil-gvern biex isiru mħallfin jew maġistrati, xorta l-alternazza fil-poter kienet qed tiggarantixxi nies b’ideat differenti biex imorru fuq il-bank tal-ġudikatura.

B’din is-sistema li bellgħulna tal-Venice Commission ser nispiċċaw b’nies magħżula minn kumitat li mhux ser jiggaranixxu l-ebda alternanza fis-sistema tal-għażla tal-maġistrati jew mħallfin għaliex ser jintgħażlu nies li ġejjin, biex nuża l-lingwaġġ ta’ ħassieb Franċiż Tocqueville, mill-istess ċirku. Bil-Malti, ngħidulhom li ġejjn mill-istess klikka. B’hekk dawn ser jiggarantixxu biss li jingħażlu nies li lesti jiġbdu l-interessi tal-istess membri tal-kumitat.

Dan ma kienx preżenti fis-sistema li kellna qabel anki jekk seta’ kien hemm membri fil-massonerija. Imma l-massonerija qatt ma setgħet tikkontrolla b’mod sfaċċat u dirett kif tista’ tagħmel issa. Qed ngħid dan għaliex dan il-kumitat ma jaf l-ebda poter lill-poplu imma biss lil ċirku ristrett ta’ nies li ser jiggarantixxu li l-poter ġuridiku jibqa’ f’idejhom mingħajr bżonn ta’ xi lealta’ lejn il-poplu. Meta l-maġistrati jew l-imħallfin kienu jintgħażlu mill-esekuttiv, l-imħallfin u l-maġistrati kienu qed jintgħażlu minn struttura li finalment kellha l-bżonn tmur lura għand il-poplu kull ħamsin snin jew inqas biex titlob il-konferma tagħha.

Daqshekk ġabuna għall-frisk il-Kummissjoni ta’ Venezja. Mhux ta’ b’xejn li l-Ingliżi ħarġu mill-Ewropa u ma jridu b’xejn imorru lura għax ma jridux l-Ewropa tkompli tkissrilhom it-tradizzjoni ġuridika tagħhom li ggarantitlhom demokrazija parlamentari mingħajr bżonn ta’ dittaturi. Jiddispjaċini ngħid li din il-fissazzjoni fl-Ewropa bejn is-separazzjoni tal-esekuttiv u l-ġuridiku qatt ma ggarantit lil dan il-kontinent milli jinħakem minn xi dittatura minn żmien għall-ieħor.

Kif qatli persuna li taħdem bħala avukat fil-qorti. Din is-sistema qed iġġib biża’ kbir fost l-avukati għax ħadd ma jrid jikkritikaha fil-beraħ għaliex dan jista’ jwassal biex ma jintgħażlux mill-istess kumitat jekk qatt xi darba jiddeċidu biex japplikaw biex isiru mħallfin jew maġistrati.

2 thoughts on “Jekk japplika xi konsulent legali jew membru tal-kumitat tal-ħatra għall-imħallfin jew maġistrati x’ser jiġri?

  1. Sewwa wiehed forsi jghidilna min huma dawn l-membri fuq l-kumitat u x’allejanzi ghandom.
    Ir-rizultat jitkellem wahdu w cioe kemm wiehed jhares lejn l-ahhar darba li lahqu Imhallfin u Magistrati godda taht it-tmexxija tal-Prim Imhallef prezenti.
    Min ghandu ftit melh ha jifhem, pero tal-Venice Commission flimkien ma’ Repubblika & Co waslu sa fejn riedu jaslu w r-rizultati ta’ l-ahhar Imhallfin u Magistrati li gew appuntati flimkien ma dawn li qeghdin fil-process li jinhatru huma ovvji.
    Nitkellmu aktar l-quddiem. Pero l-hmira diga lesta u issa jibqa biss li nahmuwa.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *