Where your opinion counts

L-aħħar kontroversja – dik dwar l-arma tar-Repubblika fuq il-bagalja tal-baġit: jekk mhux assurda ma nafx x’inhu l-assurd

Minn osservatur politiku

Franco Debono għamel kumment legali dwar il-fatt jekk il-Ministru tal-Finanzi talabx permess lill-Prim Ministru biex ikun jista’ jirriproduċi l-arma tar-Repubblika ta’ Malta fuq il-bagalja ġdida fjamanta li għamel u li qamgħet eluf ta’ ewros. Din l-istorja spiċċat suġġett fil-Parlament. Id-deputat Karol Aquilina għamel plejtu sħiħ għaliex prima facie jidher li l-Ministru tal-Finanzi kiser ir-regola għaliex ma talabx permess lill-Prim Ministru biex ikun jista’ jirriproduċi din l-arma u b’hekk, teknikament, jista’ jispiċċa li jeħel multa! Jekk jiġri hekk, din il-multa trid titħallas mill-gvern stess! Għalhekk, Karol Aquilina ħass id-dmir li jagħmel riċerka intensiva biex joqgħod jgħidilna liema liġi jista’ jkun li kiser Clyde Caruana u jekk jinsab ħati kemm hi l-multa li jista’ jeħel.

Imma din l-istorja spiċċa backfired – kif jgħidu bl-Ingliż – fuq il-Partit Nazzjonalista. Waqt li hu minnu li l-Ministru tal-Finanzi jista’ jkun li żbalja – anki jekk wieħed irid jgħid li l-arma dejjem kienet fuq il-bagalja tal-baġit tal-gvern u allura b’mod legali wieħed jista’ jargumenta li ġa kien hemm permess biex tkun tista’ tintuża mill-Ministru tal-Finanzi fuq kull bagalja tal-baġit – il-punti għala din l-istorja spiċċat tisplodi f’wiċċ l-oppożizzjoni huma oħrajn.

L-ewwel ħu Karol jiġifieri Robert Aquilina ilu jagħmel użu mill-kelma Repubblika u dak kollu li tfisser għalina l-Maltin. Anki jekk is-suġġett hawn huwa differenti, għaliex qed nitkellem fuq arma partikolari, xorta għan-nies dan il-kjass qed jidher żejjed meta dawn ilhom jagħmlu użu mill-kelma Repubblika. Mela għala qajjem storja u akkuża lill-Ministru tal-Finanzi li seraq l-arma tar-Repubblika biex stampaha fuq il-bagalja tal-budget?

Għal ħafna nies, din spiċċat polemika assurda. Għal ħafna nies dan hu ħela tal-ħin tal-Parlament għaliex tqajmet kwestjoni fuq suġġett fjutili u pwerili. Allura mhux ta b’xejn li l-poplu ma jridx jaf bil-Partit Nazzjonalista fil-gvern. Mhux aħjar kieku Karol Aquilina uża l-ħin tal-parlament biex iqajjem xi kwestjoni li tirrigwarda l-kostitwenti tiegħu jew xi issue li ttejjeb il-kwalita tal-ħajja? Mhux aħjar kieku qalilna għaliex għandu konflitt ta’ interess u ħareġ il-barra f’seduta partikolari tal-parlament li tittratta diskussjoni dwar il-qbiela u r-raba’?

Imma tant m’għandhomx x’jagħmlu dawn ir-Repubblichini li jridu jaqbdu ma kollox, anke ma’ kull tibna. Dan aktar ser iġib inkwiet lill-Partit Nazzjonalista għaliex fakkar lin-nies fuq il-mentalita’ li kien hemm qabel 2013 fejn nies imħarġa apposta tal-Gvern GonziPN kienu jagħmlu l-ħajja taċ-ċittadini ż-żgħar infern għaliex kienu jkunu jridu kollox “by the book”. Din l-istorja wriet nuqqas ta’ sens ta’ prattiċita’ tal-Oppożizzjoni. U dan is-sens ta’ nuqqas ta’ prattiċita’ kien wieħed mir-raġunijiet prinċipali li bagħat il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni u sal-lum, l-elettorat ma jridx jaf b’dan il-partit.

Jekk għal Karol Aquilina, l-aktar li jinkwietah mill-baġit kollu hija l-bagalja li għamel użu minnha l-Ministru tal-Finanzi, allura veru l-Partit Nazzjonalista ma għandux għal xix ikun inkwetat. Dr Aquilina ħass li kellu jqajjem din il-kwestjoni u dan l-użu ta’ bagalja bħala kritika lejn il-baġit u l-Ministru tal-Finanzi meta għandha baġit mibni fuq is-sapun li ser jispiċċa jkompli jisloħ lill-klassijiet medji u jfaqqarhom aktar. Dan baġit mhux għall-ħaddiem medju imma għal min għandu ħafna biex jingħatalu iżjed. Issa nisperaw li nisimgħuh jitkellem fil-parlament u jagħtina xi ftit kritika fuq il-kontenut tal-baġit u mhux fuq il-bagalja li nġarr fih.

Għalhekk issa nistennew li Karol Aquilina jagħmel ftit riċerka, bħal ma għamel dwar din il-baġalja, biex jirribatti dak li ntqal fil-baġit, imma ngħidlu biex joqgħod attent li ma jagħmilx l-istess żball ta’ Clyde Caruana. Caruana ma nfurmax lill-Prim Ministru dwar l-użu tal-arma. Għalhekk biex ma jkunx suġġett ta’ kritika, infakkru biex ma jinsiex jieħu il-permess ta’ dak li għandu xi jgħid dwar il-baġit mingħand ħuh u l-għaqda tar-Repubblichini li ma jmurx jirfsilhom il-kallijiet u jagħmlulu xi protest ġudizzjarju il-qorti għand xi maġistrat magħżul minnhom minn qabel u jwaħħallu xi multa!.

2 thoughts on “L-aħħar kontroversja – dik dwar l-arma tar-Repubblika fuq il-bagalja tal-baġit: jekk mhux assurda ma nafx x’inhu l-assurd

  1. Innsew kemm intefqu flus meta imbidlet l-Arma ta’ Repubblika min fuq kollox,tal Gven, specjalment min fuq l-affarijiet ta l-Ambaxxata Maltija go Washington DC., Parigi, Mexico Portugal w Spanja, Forsi wiehed isaqsi li min kien ma Albert Borg Olivier de Puget (RIP).

Leave a Reply to Joseph Cassar Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *