Il-ktieb dwar Eddie Fenech Adami: L-Eddie li qatt ma kien
Minn Osservatur mid-Dar Ċentrali
Meta l-Blue Heroes poġġew lil Bernard Grech minflok Adrian Delia, bdew jgħidu, biex jiġġustifikaw għemilhom, kemm qabel u anki wara l-konġura oxxena li wettqu li ‘Bernard huwa l-Eddie l-ġdid’. Għamlu min kollox biex jippruvaw, mingħalihom, ixebbħuh ma’ Eddie Fenech Adami. Mingħajr ma ndunaw, kienu qed jagħmlu disrispett lejn Bernard Grech innifsu.
Niftakar sew kemm kienu qalu li ‘Bernard huwa bniedem tal-familja bħal ma kien Eddie’ . Li huwa bniedem tal-familja, huwa fatt u veru. Imma dan ix-xebħ kienu qed jagħmluh b’mod baxx u kattiv billi kienu qed iqabbluh m’ Adrian Delia. Delia wkoll hu bniedem tal-familja imma wieħed irid jiftakar kemm tal-establishment qalgħu gideb fuqu u spiċċaw kissrulu lill-familja. Dan wassal biex Adrian Delia ssepara u llum reġa’ bena l-ħajja privata tiegħu mill-ġdid. Fuq kollox, dawn l-affarijiet ma ntqalux dwar il-kap ta’ qabel Delia. U sewwa għamlu għaliex bħal dak li qallek li bniedem separat mhux xorta jista’ jkollu familja sabiħa!
Qalu wkoll li fiżikament, Bernard Grech ‘jixbaħ lil Eddie’ għax it-tnejn ta’ statura żgħira u bin-nuċċali. Xebħ redikolu. Imma ħafna tesserati emmnu din il-propoganda rħisa. Ħafna bdew jgħidu ‘Dan Bernard, qiesu Eddie’.
Sakemm il-PN mar għall-elezzjoni ġenerali u ġarrab l-akbar telfa li qatt ġarrab partit politiku mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn. Illum il-PN iġġarraf. Dan mhux tort ta’ Bernard Grech għal kollox. Imma bħala kap irid jew ma jridx, irid jieħu parti minn dan it-tort.
Dak li storikament seħħ taħt Eddie Fenech Adami kien li l-PN issaħħaħ bejn l-1977 u 1987, tant li ġab maġġoranza tal-voti kemm fl-1981, 1987 u 1992 . Anki wara li tilef l-elezzjoni tal-1996, irnexxilu jagħmel rebħa fl-1998 li ggarantit lill-PN tliet leġislaturi oħra fil-gvern.
Issa, permezz ta’ Dione Borg, il-PN reġa’ għamel attentat ieħor biex iżomm lil Eddie fuq l-agenda tal-partitarji Nazzjonalisti fi żmien li hu disastruż għall-Partit Nazzjonalista. Dan qed isir għaliex il-figura politika ta’ Bernard Grech iddgħajfet sew. Imma dan kien attentat ieħor biex permezz ta’ dan il-ktieb, Bernard Grech qed jerġa’ jkun imxebbaħ ma’ Eddie Fenech Adami.
Permezz ta’ dan il-ktieb, Dione Borg qal li s-sewwa jirbaħ żgur. Dik kienet l-għajta ta’ Eddie. Id-differenza hi li Bernard Grech ma jistax juża din l-istess għajta, għax il-mod kif qed imexxu n-nies tal-establishment fil-PN hu kompletament żbaljat.
Mela kotba bħal dawn mhux ser jagħmlu ġid lil Bernard Grech. Ma hemm xejn sewwa f’dak li qed jimbotta l-establishment u li llum Bernard Grech spiċċa assoċċjat miegħu. Ix-xebħ ta’ Bernard Grech ma’ Eddie Fenech Adami mhux qed jagħmel ġid l-istess Bernard Grech. Dan hu attentat li ġa falla għal kollox qabel beda.
Meta politiku jibni l-immaġini tiegħu fuq xi kap ta’ qablu, jispiċċa jitlef kull legittimita’ politika. L-aqwa politiku hu dak li jibni l-immaġni tiegħu hu stess. Fil-Malti għandna espressjoni ftit baxxa. L-aqwa politiku hu dak li jitgħallem iboss b’sormu u mhux b’sorm ħaddieħor.

Lanqas sufa f’s**m Eddie ma ghandu li tista tassoccjah mieghu. Eddie kien hassieb u fuq kollox kien bniedem umli bi kwalitajiet u valuri sodi u ma jiccaqlaqx minnhom. Eddie b’hall bierah kien jaghmel diskors li kienet Tarah u tisimghu ta linqas nofs Malta, ifisser u jsemmi cifri. Bernard Grech bir rispett kollhu lejh qatt ma tista tqabblu ma Dan il Ggant politiku. Min jighd ekk ikun qed jinsulentah bil kbir.