Issa jmiss lil Roberta Metsola biex tibda l-kampanja tagħha għall-Ewropej kmieni
Ilbieraħ is-Sibt sar riċeviment fiż-Żurrieq li ovvjament kien bla ħlas. Huwa ċar li dan ir-riċeviment bħal oħra li ġa saru huwa marbut mal-kampanja tal-Elezzjonijiet Ewropej. Hu fatt magħruf li Metsola u David Casa qed jaħdmu flimkien, fl-istess strateġija li ntużat fl-elezzjoni Ewropej li għaddiet li wasslet biex ikkreat block vot fi ħdan il-Partit Nazzjonalista stess kontra kandidati oħrajn li ħarġu f’dik l-elezzjoni.
Dan li hu interessanti f’din il-kampanja mhux il-fatt li David Casa u Roberta Metsola qed jagħmlu dawn ir-riċevimenti bla ħlas bħala parti mill-kampanja tagħhom imma li din il-kampanja minn Metsola u minn Casa bdiet kmieni. Hemm wisq mistoqsijiet meta kampanja elettorali tibda daqshekk kmieni.
Wieħed irid jiftakar li Peter Agius ġa ħabbar li ħiereġ għall-elezzjonijiet Ewropej u ġa beda bil-kampanja tiegħu. Anki spiċċa jkollu slottijiet ta’ kitba fil-Malta Today li normalment din kienet gazzetta fejn fiha jidhru r-riklami politiċi ta’ Roberta Metsola taħt forma ta’ artikli sponsorizzati. Wieħed irid jiftakar li Peter Agius kien ma’ David Casa kontra Adrian Delia.
B’hekk x’inhi l-vera raġuni li din id-darba qed jaħdmu mod ieħor? B’kampanja bħal din jidher li l-Partit Nazzjonalista ġa jaf li ma għandux ċans li jtella’ tliet kandidati fl-elezzjoni li ġejja. B’hekk l-istrateġija qed tkun li jkunu ffukati fuq tnejn u huwa fl-interess ta’ Roberta Metsola, li jekk hemm post għal tnejn, dan għandu jittieħed minnha u minn David Casa. B’hekk Peter Agius ser jibqa’ barra. Dak li hu żgur li sa ftit ilu Peter Agius kienet mitqies bħala l-persuna ta’ Bernard Grech. Illum Peter Agius qed iżomm ftit distanzi minn Grech. Jidher ċar li Peter Agius mhux parti mit-tim ta’ Metsola u Casa. Mhux għax Agius jista’ jkun ta’ sfida għal Metsola imma jista’ jkun ta’ sfida għal Casa. Jidher li t-tim strateġiku jrid lil Metsola u lil Casa fil-Parlament Ewropew jekk il-PN għandu ċans itella’ tnejn biss. Jidher li fit-tim strateġiku ta’ Metsola u Casa, jafu li Metsola llum qed tiġbed aktar simpatija minn Bernard Grech.
Issa partitarji qed jistaqsu li b’li qed jagħmlu Metsola u Casa, dawn qed jagħmluh biex jgħinu lill-Partit Nazzjonalista jew biex juru li Metsola hija “the special one”?
Il-parir tiegħi hu dan. Il-Partit Nazzjonalista jrid jevita dawn it-tipi ta’ Biżantinizmu, jiġifieri ħafna ntriċċi politiċi interni, fejn l-grupp tal-establishment dejjem jipprova jagħti gambetta lill-persuni oħra fl-istess partit li jħossuhom li qed jheddu l-eġenomija tagħhom. Dan ġa rajnieh fl-aħħar elezzjoni Ewropeja meta din l-istrateġija ntużat biex kandidati mitqiesa ta’ Adrian Delia jibqgħu l-art. Ir-riżultat kien li minflok tella’ tliet kandidati, il-PN spiċċa biex tella’ tnejn. Forsi l-establishment dak in-nhar kien kuntent għaliex il-kandidati tiegħu, Metsola u Casa telgħu.
Imma jekk din id-darba ser tkun operata din l-istess strateġija, kif fil-fatt qed jidher li qed jiġri, iċ-ċans huwa li l-PN ser jispiċċa biex l-anqas tnejn ma jtella’ u jkollu biss kandidat wieħed fil-Parlament Ewropew.