Where your opinion counts

Rabja kbira fost l-establishment Nazzjonalista wara li Albert Buttigieg tefa’ in-nomina tiegħu u tellef iċ-ċans lil Alex Perici Calascione biex jidħol fil-Parlament

Dan is-sit jinsab infurmat li kien hemm rabja kbira fost il-ġerarkija tal-Establishment Nazzjonalista wara li Albert Buttigieg sfidahom u tefa’ n-nomina tiegħu biex jieħu l-post ta’ Robert Arrigo.

Dan kien ifisser li Buttigieg sfida lill-establishment wara li d-direzzjoni kienet li l-ebda kandidat minn dawk li ma tellgħux fuq l-għaxar distrett f’isem il-Partit Nazzjonalista kellu jitfa’ n-nomina biex jieħu post Robert Arrigo fil-Parlament. Issa Albert Buttigieg qatalhom l-għatx bil-perżut għaliex mar jitfa’ n-nomina mingħajr ma stenna li din il-materja tkun diskussa fl-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Kif irrapporta dan is-sit, l-ewwel pass kellu jkun dak li jidħol Alex Perici Calascione fil-parlament u minn hemm, l-establishment, b’koordinament perfett bejn Brussel, l-Imdina u l-Imqabba jimxu biex jagħtuh it-tmexxija tal-PN. B’hekk xi partitarji ġa bdew jitkellmu dwar il-bżonn li Perici Calascione jkun co-opted kif jixhed dan il-post.

Infakkar li wieħed minn dawk tal-Establishment li dejjem ried lil Alex Perici Calascione bħala kap tal-Partit Nazzjonalista hu Simon Busuttil. Wieħed irid jiftakar li Alex Perici Calascione kien il-kandidat naturali ta’ Simon Busuttil biex jilħaq kap warajh fl-2017, imma f’dik l-elezzjoni, il-kunsilliera u t-tesserati kienu għażlu lil Adrian Delia.

Albert Buttigieg sew għamel li tefa’ n-nomina. Dawn tal-establishment iridu jieqfu jaħsbu li l-Partit Nazzjonalista ħallihulhom nannuhom! B’li għamel Albert Buttigieg saħħaħ il-prinċipju demokratiku ġewwa pajjiżna għaliex il-partiti (kemm dak tal-PN u anki tal-Lejber) iridu jieqfu jużaw il-co-options biex idaħħlu fil-parlament persuni li l-poplu mhux bilfors kien qed jagħtihom il-fiduċja tiegħu u jridhom fil-parlament.

Illum l-establishment jaf li l-popolarita’ ta’ Bernard Grech qed tonqos sew fost il-partitarji Nazzjonalisti, inkluż dawk mitqiesha bħala tal-establishment u l-attivisti Repubblichini ta’ Robert Aquilina. B’hekk kienu ser juża din il-co-option biex tinbeda t-triq biex Bernard Grech jitwarrab. Imma b’li għamel Albert Buttigieg ħassar il-pjanijiet tagħhom.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *