Pressjoni fuq Buttigieg, Gouder u Portelli Bonnici biex ma jitfux in-nomina
F’dawn l-aħħar siegħat kelli konferma li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel pressjoni kbira fuq il-kandidati li għandhom dritt jikkandidaw irwieħhom biex jieħdu s-siġġu tal-mibki Robert Arrigo biex ma jitfux in-nomina. Dan qed isir biex il-Partit Nazzjonalista ikun jista’ jdaħħal fil-parlament lil Viċi Kap tiegħu li għadu kif laħaq u li kulħadd kien jaf li ma għandux ċans li jkun membru tal-Parlament.
Għandi informazzjoni ta’ min jorbot fuqha li ġie avviċinat Albert Buttigieg, wieħed mit-tliet kandidati, biex dan ma joħroġx għal bye-election fuq l-għaxar distrett, fejn infetaħ post għal xi ħadd biex jieħu s-siġġu ta’ Arrigo.
S’issa għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni imma l-pressjoni qed issir. Hemm min qed ifittex li jintlaħaq xi kompromess ma’ dan il-kandidat partikulari. Il-fat cats ġa qalu li lesti jgħinu. Mid-dehra huwa Buttigieg li qed ikun ta’ għadma iebsa biex jiġi konvint ma jitfax in-nomina tiegħu. Mid-dehra mhux diffiċli biex jikkonvinċu lil Karl Gouder u lil Emma Portelli Bonnici biex ma jikkandidawx ruħhom. Huma jafu li jekk issir bye-election, huma ma għandhomx ċans li jitilgħu. B’hekk qalu iwa mill-ewwel għall-proposta li ma jitfux in-nomina tagħhom. Kif inhuma l-voti, Buttigieg qiegħed – kif jgħidu – f’pole position.
Imma Albert Buttigieg jixtieq li jkun membru tal-parlament wara diversi tentattivi.
U x’inhi din il-fissazzjoni li jridu lil Perici Calascione bħala deputat? Ma kienux jafu meta ħareġ għal Viċi Kap li ma kienx ser ikun hemm Viċi Kap fil-Parlament? Allura għax issa donnhom qed iqumu l-irwiefen kollha? Għalfejn f’daqqa waħda qed jippruvaw isewwu l-iżball li sar meta ħarġet għal pożizzjoni ta’ Viċi Kap persuna li ma kienetx fil-Parlament u allura kienet ser tinħass b’mod qawwi ħafna n-nuqqas ta’ Viċi Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament.
Għaliex kif ġa spjegajt f’artiklu ieħor, l-establishment fi Brussel qed iħejji t-triq biex Perici Calascione jagħmluh kap u jekk jista’ jkun dan isir anki qabel l-elezzjonijiet Ewropej.