Tal-establishment li tant kienu jgħajru lil Clyde Puli ħadu tweġiba: issa anki l-istess media li kienet tattakkah qed tagħtih raġun.

Minn osservatur politiku

Dan is-sit ta’ prominenza dak li ġara fil-Partit Nazzjonalista wara li kien ippubblikat d-dokument tal-pre-budget tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista spiċċa vittma tal-ħafna pompa li għamel dwar dan id-dokument waqt il-konferenza stampa mogħtija mill-Kap tal-Partit, Bernard Grech u mill-kelliem tal-Finanzi Jerome Caruana Cilia.

F’dan id-dokument hemm mijiet ta’ proposti li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista għall-budget li ser jixxandar il-ġimgħa d-dieħla. Tkellem fuq numru kbir ta’ setturi imma dejjem irid ikun hemm xi ħaġa li turi n-nuqqas ta’ dettal li f’dan il-partit. Din saret xi ħaġa aċċettabbli.

Issa forsi dawk li kienu jsaħħnu minn taħt u jgħidu li l-eks-Segretarju Ġenerali, Clyde Puli kien jieħu wisq ħin jipprepara d-dokumenti tal-partit, jgħidulna jekk l-affarijiet marrux għall-agħar jew aħjar taħt Bernard Grech u sħabu?

Forsi min kien qed jaħdem minn taħt biex jimmina lil Clyde Puli fuq id-distrett tiegħu billi jimbotta lil Jerome Caruana Cilia, għaliex kien mitqies ta’ Adrian Delia, issa ħa t-tweġiba tan-nuqqas ta’ gravitas li għandu dan id-deputat żgħażugħ. Forsi min kien isaħħan minn taħt u kien jgħid li d-dokumenti tal-PN ma għadhomx imorru għall-istampar minħabba Clyde Puli, issa ħa tweġiba għaliex kif irrapporta dan is-sit, il-qattusa għaġġelija spiċċat tagħmel frieħ għomja.

Tal-mistħija fiex ġabuh tal-Establishment lil dan il-partit! Fejn huma l-mustaċċuni li kienu jduru mal-kunsilliera jgħidu li meta jitneħħew dawk kollha li appoġġjaw lil Adrian Delia, il-partit se jieħu r-ruħ?!

Issa anki Salvu Balzan fil-Malta Today tal-lum spiċċa jitkellem bħal dan is-sit. Hu rrefera għal dak li ġie ppubblikat ilbieraħ f’dan is-sit mingħajr ma semmieh, fejn intqal fi ħdan il-PN stess qed jgħidu li kien aħjar li kieku Mario de Marco baqa’ l-kelliem għall-finanzi.

Il-Malta Today għamlet analiżi ta’ dan id-dokument li fih 108 paġni li jista’ jiġi konsidrat bħala dokument twil u suppost dettaljat u magħmul professjonalment. Imma sfortunatament dan id-dokument nieqes mill-professjonalita’ li suppost jiġi mxandar bih. Dan jirrifletti ħażin fuq partit politiku li qed jaspira li jkun gvern alternattiv għall-Partit Laburista. Jidher li ma kienx hemm l-għajn għad-dettal u ntwera li għall-Partit Nazzjonalista kollox jgħaddi u kollox hu aċċettat, xi ħaġa li tirrifletti ħażin fuq il-livell li suppost iżomm partit kbir politiku. Fuq kollox, kif qal tajjeb Salvu Balzan, jidher li l-istess kap tal-partit Nazzjonalista, Bernard Grech, l-anqas biss qrah dan id-dokument.

Element ieħor li ġie analizzat huwa li hemm okkażżjonijiet fejn il-Partit Nazzjonalista nkluda proposti b’mod sħiħ, li kienu preżentati mill-imsieħba soċjali. Ħa dawn il-protesti kif eżattament ġew preżentati minn xi entita’ ta’ dawn l-imsieħba. Dan qatt ma seħħ meta bħala segretarju, il-Partit Nazzjonalista kellu lil Clyde Puli.

Il-Partit Nazzjonalista poġġa lill-qarrej f’sitwazzjoni li ma ikunx jista’ jifhem jekk verament għamilx tiegħu dawn l-istess proposti jew użahomx biex jimla l-paġni tad-dokument imxandar. B’hekk din il-kitba ta’ dan l-istess dokument ħalliet togħma qarsa.

Hemm ħafna żbalji li mhumiex biss ortografiċi, imma l-kostruzzjoni tal-istess sentenzi huma żbaljati. Mill-analiżi ħareġ ukoll li hemm repetizzjoni fis-suġġetti diskussi. Ħafna minn dawn l-iżbalji ġew elenkati fl-artiklu tal-Malta Today u reġgħu kien is-suġġett ta’ artiku ieħor, din id-darba ippubblikat fl-Illum.

Jekk partit politiku jrid jittieħed bis-serjeta’ hemm bżonn li jkun serju hu l-ewwel. Ma jistax jippreżenta xi ħaġa fil-pubbliku li ma hi professjonali xejn, anzi tħallilek togħma qarsa li ttelliflek l-interess li jista’ jkollok fid-dokument preżentat u fuq kollox fil-partit politiku nnifsu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *