Where your opinion counts

Robert Aquilina u r-Repubblichini ta’ Salo’: sieħbu Tajani sar viċi-premier ta’ Gvern li skont ir-Repubblichini Maltin huwa wieħed Faxxista.

Nibda biex nirringrazzja lil Robert Aquilina li sab ħin iwieġeb għall-post tiegħi dwaru wara li akkużajtu li hu gideb fuqi. Qal ħafna kliem imma ma ċaħadx li hu wża l-Universita’ ta’ Malta biex jgħid gidba fuqi. Bil-wiċċ tost kollu, qed jgħid li jien irrid inqarraq bin-nies. Minflok wieġeb, Aquilina mar jagħmel attakk personali fuqi. Dan lili aktar isaħħaħni.

Il-mistoqsija tiġi waħidha. Għala meta wieħed jitkellem fuq is-sewwa, ta’ Repubblika jridu jattakkaw fuq livelli personali? Fuq kollox qal li jien il-protagonista tal-qerq u ġabha li qed nikteb anki f’isem oħrajn meta dak li nikteb huwa dejjem f’ismi.

Quddiem dan il-post ta’ Aquilina, ikolli nikkonkludi li Robert Aquilina u sħabu jriduha ta’ Repubblikani meta ma huma xejn għajr minn “Repubblichini“. Nispera li Robert Aquilina jaf xi tfisser meta persuna tissejjaħ “repubblichino”? Jekk le, allura ma jafx l-istorja tal-Faxxiżmu. Mela ħa nfakkar ftit lil Robert Aquilina dwar l-istorja ta’ Mussolini u s-sinifikat tat-terminu “Repubblichino” li tant joqgħodlu tajjeb.

Bħal Aquilina, Mussolini ukoll kien waqqaf Repubblika. Imma Mussolini kien aktar bravu minnu għaliex ir-repubblika li waqqaf kienet waħda reali u sejħilha “La Repubblica di Salo’“. Dan wassal biex l-anti-faxxisti, inkluż Umberto Calosso li spiċċa eżiljat f’Malta, spiċċaw isejħu s-segwaċi ta’ din ir-repubblika ta’ Mussolini bħala “Repubblichini”. U verament kellhom raġun isejħulhom hekk. U jkolli nammetti li din il-kelma toqgħod tajjeb kemm għal Robert Aquilina u anki għal sħabu.

Nifhem li llum Aquilina ma hux f’kundizzjoni li verament jassorbi s-sinifikat ta’ xi jfisser li tkun tissejjaħ Repubblichino għaliex il-Partit Nazzjonalista li jimmilita’ fih tilef kull sens ta’ Italianita’. Fuq kollox, għandu wisq sens ta’ entitlement kien jagħraf il-veru sinifikat li tkun imsejħa Repubblichino meta twaqqaf għaqda li finalment illum qed tibda’ ġġib il-memorji tar-Repubblica di Salo’. Meta jitkellem, Robert Aquilina jaħseb li sar il-President ta’ Malta. Imma aktar jixbaħ il-president tar-Repubblika di Salo’ kif immortalizzah Pier Paolo Pasolini. Qed ngħid dan, għaliex Robert Aquilina żgur ma jirrappreżentax il-prinċipji repubblikani imma dawk repubblichini ta’ Salo’.

Ir-reġista kbir Taljan, Pier Paolo Pasolini kien ispira ruħu minn din ir-Repubblika ta’ Salo biex jimmortaliżża f’film memorabbli bl-isem ta’ Salò o le 120 giornate di Sodoma. F’dan il-film, Pasolini għaqqad il-kunċett ta’ Salo’ mal-ħsieb politiku tal-Markiż de Sade. Kemm infakkar lil Aquilina, li meta ħareġ dan il-film fl-Italja, Pasolini kien mejjet waqt li dawk involuti bdew jiġu ppersegwitati mill-pulizija Taljana fuq insistenza ta’ nies u għaqdiet li jixbħu ħafna l-għaqda tiegħu ta’ Repubblika.

Pasolini nqatel imma qabel inqatel, Pasolini, li kien anti-faxxista kbir, kellu dan xi jgħid dwar persuni bħal Aquilina li jridu jgħallmu lin-nies x’inhu l-Faxxiżmu. Pasolini spiċċa jitkellem dwar nies li bħal Aquilina jriduha tal-anti-faxxisti meta fil-verita’ huma l-faxxisti tas-sistema demokratika li ġiet ikkreata wara t-Tieni Gwerra.

Naħseb li nkun qed nagħmel analiżi tajba jekk ngħid li dawn ta’ Repubblika spiċċaw ispirati minn Stalin u l-kommuniżmu Russu. Jidher li Aquilina moħħu biex ipinġi lin-nies Faxxisti. B’hekk spiċċa jippreżenta l-Faxxiżmu qiesu xi babaw. Imma llum, dan il-babaw qed imexxi l-Italja.

Kemm infakkru lil Robert Aquilina li l-eroj tiegħu, Antonio Tajani ser ikun Viċi-Prim Ministru fil-Gvern Taljan immexxi minn Giorgia Meloni. Infakkar li skont Robert Aquilina u sħabu ta’ Repubblika, Meloni hija Faxxista. Issa sieħeb Aquilina sar il-viċi-premier ta’ dan il-gvern Faxxista!

Robert Aquilina jrid joqgħod attent għaliex qed jagħti l-impressjoni li aktar jinteressah jgħajjar lin-nies Faxxisti fuq premessi foloz u għax jagħmel hekk jitħalla jkun protagonista fl-Universita’ ta’ Malta. B’dan il-mod żgur li mhux qed jiddefendi d-demokrazija bħala sistema.

Infakkar lil Aquilina, li fl-istorja kontemporanja, kien hemm ħafna partiti u għaqdiet allineati mal-iStalinizmu u llum dawn sabu fin-neoliberalizmu l-ġustifkazzjoni storika tagħhom.

One thought on “Robert Aquilina u r-Repubblichini ta’ Salo’: sieħbu Tajani sar viċi-premier ta’ Gvern li skont ir-Repubblichini Maltin huwa wieħed Faxxista.

  1. Good and interesting analysis.

    Just a minor thing….its giorgia meloni not roberta. Roberta is the other repubblichina friend in brussels.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *