X’jagħmel bniedem Faxxista ma jistax jiddeċidieh Robert Aquilina, aħseb u ara kemm għandu jitħalla jitkellem dwar x’inhu l-Faxxiżmu fl-Universita’ ta’ Malta.

Fl-1995, wieħed mill-ikbar storiċi tal-Italja Faxxista, Renzo De Felice, kien ġa ammonixxa li l-istorja Faxxista ma tistax titħalla f’idejn ġurnalisti jew persuni bħal ma hu Robert Aquilina, il-President ta’ Repubblika, li De Felice ddeskrivihom b’mod pulit bħala scorribande jew nies li ma għandhomx x’jagħmlu. Skont De Felice, Mussolini u l-Faxxiżmu għandu jkun ittrattat fil-kamp tal-istorja u dibattut mill-istoriċi. Jiġifieri x’inhu Faxxist għandu jkun stabbilit mill-istoriċi. Dan hu dak li kiteb Renzo De Felice fuq dan is-suġġett.

Qed nikteb dan għaliex ftit tal-jiem ilu, Robert Aquilina uża l-ispazju tal-Universita ta’ Malta biex mingħalih jagħti lezzjoni ta’ x’jagħmel bniedem Faxxista. Biex ikun eżatt uża l-ispazju tat-teatru tal-Universita’ ta’ Malta ġewwa l-Campus tal-Belt Valletta biex jgħajjar lin-nies Faxxisti. Fid-diskors tiegħu, hu spiċċa jagħmel attakk dirett lejja u lejn persuni oħra. Mhux ser nidħol x’qal fuq persuni oħra, imma ser nitkellem fuq dak li jikkonċerna lili għaliex dan l-attakk sar minn Robert Aquilina fl-ispazju tal-Universita’ ta’ Malta li jien membru tagħha. Mela ma nistax ma nitkellimx dwaru.

Nibda biex ngħid li mhux aċċettabbli li l-ispazju tal-Universita’ ta’ Malta jintuża biex inkun attakkat xi akkademiku, hu min hu, minn Robert Aquilina. Fuq kollox, mhux aċċettabbli li meta dan jattakka xi akkademiku jgħid fatti fuqu li mhux minnhom. Jekk ta’ Repubblika jridu jagħmlu xi attakk fuq xi akkademiku, għandhom kull dritt jagħmluh, imma huwa immorali u mhux etiku li dan isir fi spazju provdut mill-Universita’ ta’ Malta. Aktar u aktar, meta dan il-persuna jrid jitkellem fuq fatti storiċi meta l-anqas hu storiku. Imma mbagħad irid jgħallem lin-nies x’inhu Faxxiżmu u dan jagħmlu fuq premessi foloz.

Ħa nibda biex ngħidlu x’jagħmel bniedem Faxxist lil Robert Aquilina bi kliem sempliċi li jista’ jifhmu. Ma nafx jekk Robert Aquilina jafx, imma l-futur kap tal-Partit Nazzjonalista, Nerik Mizzi, fl-1936 kien bagħat iċ-ċurkett tat-tieġ tiegħu u ta’ martu biex jiddewbu fuq l-Artale della Patria ġewwa Ruma Faxxista wara li l-Lega tan-Nazzjonijiet kienet għamel sanzjonijiet ekonomiċi fuq Mussolini talli dan kien invada l-Abbissinja. Mussolini rritalja billi talab lit-Taljani jibgħatu ċ-ċrieket tat-tieġ tagħhom ħa jiddewbu biex b’hekk l-Italja jkollha riserva ta’ deheb biex tiġġieled dawn is-sanzjonijiet.

Nerik Mizzi kien wieħed minn dawk li bagħat iċ-ċurkett tat-tieġ tiegħu – la fede – lil Mussolini għaliex ma qabilx ma’ dawn is-sanzjonijiiet imposti mill-Lega tan-Nazzjonijiet. Allura kif ser jinterpreta dan il-fatt, Robert Aquilina? Jekk kien hemm att Faxxista, dan ġarrbu Nerik Mizzi meta ġie internat minn Malta waqt it-Tieni Gwerra!

Issa jekk għal Robert Aquilina, dan l-att ta’ simpatija ta’ Nerik Mizzi lejn Mussolini jagħmel lil Mizzi Faxxista allura Robert Aquilina u l-familja kollha tiegħu, ibda b’missieru (illum mejjet) u ħuh li hu membru fil-Parlament huma Faxxisti għaliex dawn immilita jew jimmilitaw f’partit li Nerik Mizzi kien mexxej tiegħu. Għalhekk Renzo De Felice kiteb tant tajjeb u qal li x’jagħmlek Faxxista ma jistax jitħalla f’idejn persuni bħal Robert Aquilina li ma għandhomx x’jagħmlu, imma għandu jkun f’idejn l-istoriċi.

Imma wara din l-azzjoni mill-Univerista’ ta’ Malta, nispera li issa jekk tiġi xi għaqda jew xi ħadd u jkun irid juża dan l-ispazju biex jagħmel xi attivita’ li ma ddoqqx għall-widnejn ta’ Repubblika, dan għandu jitħalla għaliex what is sauce for the goose is sauce for the gander.

Għala qed nagħmel dan il-punt? Li jien inkun ikkritikat mhux ser ninkwieta. Imma li jiġi xi ħadd, barra mill-universita’ u juża l-ispazju tal-universita’ biex jagħmel attakk fuq akkademiku u jgħid affarijiet li mhux minnhom, jiġifieri li jien semmejt ismijiet ta’ surmastrijiet tal-iskejjel tal-knisja li kienu qed jgħinu lil Robert Aquilina biex jindottrina lit-tfal f’ideoloġija tas-setta msejħa Repubblika, mhux minnu. Jien qatt ma semmejt ismijiet ta’ kapijiet ta’ skejjel tal-Knisja. Li għamilt u kburi bih huwa li ppubblikajt l-ittra li bagħat il-Ġiżwita Jimmy Bartolo lir-retturi tal-iskejjel tal-Knisja biex iħeġġeġ jimmobiliżżaw lit-tfal tal-iskejjel tal-Knisja biex jieħdu sehem f’attivita’ organizza minn din is-setta, imsejħa Repubblika. Fuq kollox, il-Ġiżwiti f’Malta, qabel it-tieni gwerra kienu bi ħġarhom wara Mussolini u l-ideoloġija Faxxista! Għalhekk, bl-istess argument ta’ Aquilina, dawk kollha li tkellmu kontra din l-attivita’ tkellmu biex jipproteġu lit-tfal Maltin li jmorru fl-iskejjel tal-knisja minn indottrinazzjoni Faxxista li l-Ġiżwiti kienu akkużati biha qabel it-Tieni Gwerra!

Repubblika għandha kull dritt tagħmel attivitajiet tagħha imma ma għandhiex id-dritt tuża t-tfal li jattendu l-iskejjel tal-Knisja għal skopijiet politiċi. Fuq kollox, għaliex dawn ir-retturi għandhom jistħu juru isimhom li qegħdin jindottrinaw lit-tfal tagħhom mit-tagħlim tas-setta ta’ Repubblika? Fejn hu l-Faxxiżmu f’dan kollu? Għaliex għandhom jibżgħu juru wiċċhom? L-anqas li dawn ir-retturi kienu ser ilaqqgħu lil dawn it-tfal tagħhom biex jgħannu Glory Glory Alleluia għax miet xi eks-Prim Ministru ta’ Malta!

Finalment, l-arċisqof darba fis-sena jdur fuq il-poplu kollu li jmur il-Knisja biex jagħmel ġabra għall-iskejjel tiegħu. Aktar u aktar, il-knisja ma tistax tingħaqad ma’ setta li ma hija xejn ħlief assoċjazzjoni politika li l-interess tagħha hu li tkisser in-nies. Dak li hu tal-mistħija huwa l-fatt li l-Universita’ ta’ Malta tipprovdilha l-ispazju biex tagħmel dan!

Fuq kollox, naħseb Robert Aquilina aħjar jibda joqgħod attent kemm u kif juża t-terminu Faxxista għaliex ser jiġrilu bħas-simbolu tas-salib fi żmien ir-Rumani. Għar-Rumani dan kien is-simbolu tal-mistħija. Taħt il-Kristjani, sar is-simbolu tal-glorja! Għalhekk De Felice ġa kien ammonixxa biex l-istudju dwar Mussolini u l-Faxxiżmu jitħalla f’idejn l-istoriċi.

Infakkar lil Robert Aquilina li fl-istorja, Hitler kien jgħid li jekk wieħed jigdeb fuq xi ħadd għandu jikkrea gidba kbira fuqu u aktar ma tkun kbira l-gidba, aktar titwemmen mis-segwaċi tiegħu. Issa nħalli f’idejn il-qarrejja biex jikkonkludu minn min qed jispira ruħu Robert Aquilina.

Għalhekk mhux aċċettabbli li l-Universita’ ta’ Malta tippermetti persuna minn barra, tuża l-ispazji tagħha biex tigdeb fuq xi membru tal-korp akkademiku. Għaliex kif ħalliet lil Robert Aquilina jigdeb, issa trid tħalli lill-ħaddieħor jagħmel l-istess. Dan ifisser li l-Universita’ ta’ Malta qed tippermetti t-tħaddim ħażin tal-ispazju tagħha. B’hekk qed titlef l-ontoloġija xjentifika tagħha.

Għalhekk hu d-dmir ta’ min imexxi li ma jħallix li jsiru dawn it-tipi ta’ attivitajiet minn Repubblika li qegħdin f’alleanza mxajtna biex jostru l-verita’. L-Universita’ għad jiddispjaċiha li ppermettiet dan isir għaliex ser tidħol fl-istorja bħala kompliċi ma’ min għandu interess li jaħbi s-sewwa. Meta l-fatti storiċi kollha jsiru magħrufa, dawn l-attivitajiet isiru attivitajiet tal-misħija u kull min kien involut fihom ser jipprova jara kif jaħbi wiċċu.

3 thoughts on “X’jagħmel bniedem Faxxista ma jistax jiddeċidieh Robert Aquilina, aħseb u ara kemm għandu jitħalla jitkellem dwar x’inhu l-Faxxiżmu fl-Universita’ ta’ Malta.

  1. Ir Repubblika, daqqa fid dlam, u daqqa fil bahh…… u wara dak Il giri kollu barra fid dlam , issa qed jipprova igib lill Universita fil bahh

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *