Il-Magistrata Vella tagħmel kritika ġusta lejn l-prosekuzzjoni u tistaqsi għala ma ressqux lil Melvin Theuma, waqt li qed jiġi kkreat preċedent ikrah għall-ħaddiema taċ-ċivil

F’dawn il-jiem kellna l-aħbar fil-media li l-pulizija u l-uffiċju tal-avukat ġenerali resqu grupp ta’ nies akkużati li taw xogħol fantażma mal-gvern lil Melvin Theuma.  Għal darba oħra, dak li ħareġ f’din il-kumpilazzjoni huwa l-fatt li Melvin Theuma, għandu l-protezzjoni tal-pulizija u tal-uffiċju tal-avukat ġenerali.

Mhux ser nidħol fil-mertu tal-akkuża, anki jekk fost l-akkużati, minbarra persuni li jaħdmu maċ-ċivil hemm ukoll Yorgen Fenech li ma hux ħaddiem maċ-ċivil u allura ma nistax nifhem kif dan seta’ ta xogħol lil Melvin Theuma mal-gvern meta, minbarra xogħol ta’ taxi li Theuma kien ilu jagħmel il-Hilton minn żmien żemżem, seta’ tah xogħol ieħor meta l-kumpanijia tiegħu kienet u għadha tħaddem tant nies.  

Imma ejja ħa nibqgħu fuq il-każ. Il-pulizija resqet dawn in-nies fuq dak li qalha Melvin Theuma. Sa hawn mhux problema. Jiġifieri l-pulizjia emmnet il-verzjoni ta’ Theuma li ngħata job ta’ xejn mal-gvern. Theuma semma l-ismijiet tal-persuni li skont hu tawh dan ix-xogħol.  Meta l-maġistrata Vella bdiet tisma l-każ, ħareġ li Melvin Theuma ma jridx jixhed għaliex jista’ jinkrimina ruħu.  Dan għaliex induna li l-proklma ma kienetx testendi għal dan il-każ.

Hawn inqalgħet problema legali kbira. Għaliex fuq naħa hemm l-avukati tad-difiża ta’ dawk kollha akkużati li bir-raġun qed jgħidu li huma għandhom dritt li jagħmlu l-kontro-eżami lil Melvin Theuma. Ma hux permessibli li xi ħadd jakkuża lil xi ħadd u dan jingħata d-dritt li ma jixhidx imma dak li qal jibqa’ fil-proċess u fuqhom jistgħu jiġu kkundannati persuni mressqa l-qorti.  

Fuq in-naħa l-oħra hemm l-argument tal-qorti li qed tgħid li f’dan il-mument, il-qorti mhux qed tagħti ġudizzju imma biss tiġbor informazzjoni għax għadha fl-istajdu ta’ prima facie jiġifieri trid l-ewwel tiddeċiedi jekk hemmx każ sabiex jibda’ jinstema l-każ tagħhom bħala qorti istruttorja.

Imma l-istorja ma waqfitx hawn. Il-maġistrata ndunat bil-logħba kerha li qed tilgħab il-prosekuzzjoni f’dan il-każ għaliex qalet ċara li hu stramb kif il-pulizija u l-avukat ġenerali ma ressaqx lil Melvin Theuma u akkużah li ħa xogħol mal-gvern meta mhux suppost ħadu.  U dan skont ma ġie rappurtat f’The Times of Malta tal-bieraħ li l-qorti

Ta’ min jinnota li dak li ġie rrappurtat ilbieraħ f’The Times għadu s’issa ma ġiex kontradett minn ħadd. Għalhekk sal-lum nafu li Melvin Theuma mhux se jispiċċa l-qorti talli ħa flus ta’ xejn mit-taxxi tagħna u l-anqas nafu jekk hux ser jintalab li jroddhom lura. Imbagħad jekk xi ċittadin jingħata xi one euro żejda, tara lid-dipartiment konċernat jibgħatlu l-ittri ta’ theddid biex iroddhom lura.  Infakkar li ġa kellna każ ieħor fil-passat fejn il-pulizija użat proċeduri differenti fuq money laundering ma familjari marbuta ma’ Melvin Theuma u dawn ġew trattati differenti minn ħaddieħor quddiem il-qorti. Ara fuq dan il-punt, l-ebda media qatt ma tkellmet jew ippubblikat dwaru.

U min qed jagħmel dawn il-kuntrumbajsi kollha spiċċa l-eroj jew l-erojja tal-familja Caruana Galizia u ta’ Repubblika! Verament għandha prosekuzzjoni li mhix tagħmel ġid sabiex il-ġustizzja mhux biss issir iżda tidher li qed issir. 

U fuq kollox, għal dawk li jaħdmu maċ-ċivili u li qed jaħsbu li dawn huma affarijiet frivoli jew ma jolqtuhomx lilhom direttament għandhom jibdew jaħsbuha mod ieħor. Dan it-tip ta’ proċess qed jiftaħ bieb biex anki jekk persuna tiskarta mix-xogħol tista’ tibda titqies bħala reat kriminali! Għaliex s’issa dan għadu mhux reat kriminali. Għaliex qed ngħid dan. Għaliex issa anki jekk forsi xi ħadd jirrakkomanda lil xi ħadd biex jaħdem maċ-ċivil, dan sar reat kriminali u jista’ jispiċċa l-qorti. Fuq dan l-istess argument, il-kap taċ-ċivil jista’ jordna proċeduri kriminali, u dan indipendentament mill-proċeduri normali marbuta mas-servizz pubbliku u jitlob lill-pulizija biex tipproċedi kontra minn jiskarta mix-xogħol!

Daqshekk huma serji dawn l-manuvri li qed nassistu għalihom fil-qrati tagħna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *