Anki jekk kien hemm prima facie, il-qorti xorta ċaħdet it-talba ta’ mandat ta’ inibizzjoni magħmul mill-Kulleġġ ta’ St. Albert kontra MUT

Dan is-sit ikkuntatja espert legali dwar iċ-ċaħda tal-mandat ta’ inibizzjoni mill-qorti fir-rigward tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir. Ir-rettur ta’ dan il-kulleġġ kien għamel talba ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-MUT biex din tinżamm milli tagħmel azzjonijiet industrijali fl-iskola tiegħu wara t-tkeċċija tas-surmast ta’ din l-istess skola. Din it-talba issa ġiet miċħud mill-qorti u b’hekk MUT tista’ tagħmel azzjonijiet industrijali.

L-espert legali, li tkellem ma’ dan is-sit, kompla jgħidilna li kemm it-talba tar-rettur u anki d-deċiżjoni tal-qorti ma titlaqx minn punt ta’ liġi imma minn punt ta’ raġuni. Dan jagħmel id-deċiżjoni waħda suġġettiva. L-istorja kollha ddur mat-tkeċċija ta’ Mallia minn surmast u jekk tkeċċija tiegħu tiġġustifikax azzjonijiet industrijali jew le.

Skont dan l-espert legali, din it-tkeċċija ma tiġġustifikax azzjonijiet industrijali. Dan ma kienx każ fejn qed isiru azzjonijiet industrijali minħabba ħlasijiet mhux xieraq jew kondizzjonijiet tax-xogħol ħżiena jew li ġew miksura mis-sid. Mela l-qorti kellha tilqa’ dan il-mandat għaliex skont hu Prima Facie, din it-tkeċċija ma tagħtix lok għall-azzjonijiet industrijali.

Hu fakkar li teżisti sede oħrajn fejn wieħed jista’ jiġġieled tkeċċija bħal din. Hu rrefera għall-fatt tal-eżistenza tat-tribunal industriali. Dan huwa l-lok fejn ikunu miġġielda, b’mod legali, tkeċċijiet ta’ dan it-tip. Huwa t-tribunal industrijali li jrid jiddeċidi jekk it-tkeċċija ta’ Mallia kientx ġusta jew le u jekk ma kienetx ġusta, jagħti r-rimedji meħtieġa.

Imma wara dan il-każ hemm wisq emozzjonijiet għaliex qed nitkellmu fuq skola u persona involuta fil-politika. Imma issa x’ser jiġri jekk jinqalgħu każijiet simili ngħidu aħna fl-industrija jew xi restuarant jew fuq post tax-xogħol ieħor? Immaġina jiġi xi manager jew headwaiter u dan jibda jimponi u jgħid lis-sid x’għandu jagħmel. Is-sid ma jaqbilx u l-manager jibqa’ għaddej b’fattih. Is-sid tar-restaurant jew tal-fabbrika jkeċċih. Issa l-union għandhom id-dritt li jagħmlu azzjonijiet industrijali kontra l-fabbrika jew s-sid tar-restaurant fuq tkeċċija ta’ ħaddiema. Fuq kollox, issa s-sidien jistgħu jibdew jibżgħu jagħmlu mandati ta’ inibizzjoni kontra l-unions meta jagħmluhom azzjonijiet minħabba każiijiet ta’ tkeċċija.

Ovvjament, kif kompla jispjega dan l-espert legali, il-fatt jekk il-qorti tilqa’ jew le talba bħal din tibqa’ xi ħaġa soġġettiva għaliex kif spjega fuq, titlaq minn punt ta’ raġuni u mhux minn punt ta’ liġi. B’hekk jista’ jkun li jinqala’ każ ieħor simili u dan jistema minn xi ġudikant ieħor u dan jiddeċidi bil-maqlub.

Imma l-punt jibqa’ dan. Allura issa meta persuna titkeċċa minn fuq ix-xogħol, l-union tista’ tagħmel strike? Kieku f’dan il-każ ma kienx Mallia imma kien xi cleaner, l-qorti kienet tiċħad jew taċċetta mandat bħal dan kontra l-union? Dawn huma l-mistoqsijiet li n-nies hemm barra issa qed jistaqsu.

Dan l-espert legali kompla jgħidli li allaħares niġu f’sitwazzjoni fejn meta jitkeċċa xi ħadd minn fuq ix-xogħol, jibda jsir strike jew azzjonijiet industriali mill-unions għax naħseb li kieku nispiċċaw b’azzjonijiet industrijali kuljum!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *