Il-maġġoranza tal-għalliema fil-kulleġġ San Albert il-Kbir wara r-Rettur Fr. Aaron Zahra
NET News kienet waħda mill-media outlets li xandret b’mod totali l-ittra miftuħa mibgħuta mill-għalliema tal-Kulleġġ San Albert. Dan jidher li kien hemm bidla fil-ħsieb tal-kamra tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista għaliex s’issa dejjem assistejna għal aħbarijiet li jxaqilbu lejn l-eks-Kap tal-kulleġġ u l-ftit għalliema li rriżenjaw mill-istess kulleġġ mingħajr ma ngħatat leħen il-parti l-oħra.
Huwa mportanti li kamra tal-aħbarijiet tirraporta ż-żewġ linji ta’ ħsieb li jkun hemm fuq kwalunkwe suġġett diskuss. Għalhekk ngħid prosit lil NET News li tawna l-ittra fit-total tagħha. Infakkar li din l-ittra nkitbet mill-maġġoranza tal-għalliema tal-kulleġġ San Albert il-Kbir li baqgħu jgħallmu f’din l-iskola. Fiha huma qalu dak li kien qed jirrapporta dan is-sit.
Biss din l-ittra ma għandix tkun biss oġġett ta’ bidla tal-pożizzjoni min-naħa ta’ NET News meta s’issa kien qed ixxandar dak li kellhom xi jgħidu numru żgħir ta’ għalliema li riedu akkost ta’ kollox ikissru dan il-kulleġġ. Anzi NET News ma ddejjaqx jirrapporta dak li ntqal li donnu daħlet il-pika f’dan il-kulleġġ u għalhekk din tista’ tasal f’sitwazzjoni li ma jkunx hemm riżultat mixtieq li fuq kollox ikun ta’ ġid għall-istudenti li jattendu dan il-kulleġġ. Fil-fatt dawn l-istess għalliema qalu li qed jiktbu din l-ittra għax jixtiequ jesprimu n-nuqqas ta’ qbil ma’ dak li qed jagħmlu grupp żgħir ta’ talin li issa telqu mill-kulleġġ..
Infakkar li dawn it-talin għadhom jew kellhom l-appoġġ tal-MUT kif ukoll tal-arċisqof Scicluna. Dawn it-talin huma qrib u ammiraturi tal-għaqda Repubblika u l-klikka li ddur wara l-attivitajiet marbuta ma’ Daphne Caruana Galizia.
Wara din l-ittra, l-istqarrijiet li kien għamel l-arċisqof juru kemm dan l-arċisqof kien fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja u kien qed jagħti r-riħ lil min ried jagħmel ħsara lill-kulleġġ San Albert il-Kbir. Biss ma niskantax meta warajhom kellhom nies marbuta jew ammiraturi ta’ Repubblika.
Il-verita’ hija li l-maġġoranza tal-għalliema qed jaħdmu biex jagħtu l-aħjar servizz lill-istudenti u jixtiequ jagħmlu dan mingħajr ma jkunu intimidati jew mitqiesa bħala tradituri. Dan it-tixwix kontra l-maġġoranza tal-għalliema li baqgħu f’din l-iskola qed jasal minn għand dawk l-għalliema li telqu u li s’issa kellhom l-appoġġ ta’ numru ta’ djar tal-aħbarijiet. Infakkar li din il-ħsara sabet l-għajnuna tal-MUT. Il-qarnita ta’ Repubblika tinsab kullimkien.
Tajjeb li issa bit-trasmissjoni ta’ din l-ittra, in-nies jibdew jifhmu wkoll il-ħsara li saret minn dan il-grupp żgħir ta’ għalliema li telqu mill-kulleġġ u li bħal l-għaqda Repubblika jħaddnu aġenda “woke”. Qed jintqal li dawn il-ftit għalliema li ma għadhomx jagħmlu parti mill-iskola, qed jippruvaw joħolqu kaos sħiħ bir-riżultat li jista’ jkun hemm konsegwenzi psikologikament mhux mixtieqha fuq l-istudenti tal-istess kulleġġ. Din hija akkuża gravi u aktar gravi hu l-fatt li bl-istqarrijiet tiegħu, l-arċisqof Scicluna ta l-arja lil dawn il-grupp ta’ għalliema li fil-maġġoranza jħaddnu aġenda anti-Kristjana.
F’din l-ittra pubblikata qed jintqal li għalkemm hemm opinjonijiet differenti, l-għalliema kurrenti ma jridux li jiġu konsidrati għorrieb (barranin) fl-iskola tagħhom. Issa nħolqot klima ta’ ‘aħna’ u ‘huma’. Dan ma hu xejn tajjeb għal din l-iskola u jirrifletti ħażin fuq min kien imexxiha. Xi ħaġa li l-għalliema li baqgħu fil-kulleġġ ma jqisux li tagħmel sens għax l-għan prinċipali tagħhom huwa l-ġid tal-istudenti.
Fil-fatt permezz ta’ din l-ittra qed insiru nafu kemm dawn l-għalliema jemmnu li xorta għandu jibqa’ jsaltan ir-rispett lejn ħaddieħor. Qed insiru nafu wkoll tramite din l-ittra kemm il-maġġoranza tal-għalliema li baqgħu fil-kulleġġ jixtiequ jibqgħu jaħdmu fil-kwiet u b’responsabilita’. Qalulna wkoll li l-iskop tagħhom huwa li jieħdu ħsieb lill-istudenti u fuq kollox li jieħdu ħsieb l-impjieg tagħhom.
Dawn l-għalliema qed iħossuhom inkwetati minħabba l-attitudni ta’ ċertu nies li jistgħu jkunu qiegħdin jheddu l-istabbilita’ ġenerali li suppost tinħass fil-kulleġġ. Huwa grazzi għal din l-ittra li issa għandna kkonfermat, bl-iswed fuq l-abjad, dak li kien qed jitkellem dwaru dan is-sit. Sirna nafu l-qanpiena l-oħra tal-maġġoranza tal-għalliema li baqgħu jagħtu s-servizz tagħhom f’din l-iskola.
U għalhekk huwa tajjeb li NET News ħadu d-deċiżjoni li jippubblikaw din l-ittra. Nispera li NET News jieħu tagħlima minn din l-istorja għaliex turi kemm l-aġenda woke, li qed iħaddan il-Partit Nazzjonalista hija perikoluża u ma hi ser twasslu mkien. Għalhekk huwa importanti li jkollna ż-żewġ naħat tal-istorja u meta waħda minn dawn iż-żewġ naħat kienet nieqsa, dan is-sit ħass li kellu jsemma’ l-leħen tagħha.
