Spettur jingħaqad mal-avukat Jason Azzopardi u Robert Aquilina u jitlob rekuża ta’ maġistrata – imbagħad ma kienx jaf l-artiklu tal-liġi.
Għaliex xi ħadd uża l-frażi mur tgħallaq jew għandhom jgħallquh ma’ arblu spiċċa l-qorti akkużat b’inċitament tal-mbegħda u theddid. Infakkar li din il-frażi, hija frażi kommuni li tintuża jew kienet tintuża b’referenza għal meta f’Malta kien hawn il-piena kapitali. Għal ħafna sekli, il-piena kapitali f’Malta kienet issir permezz tat-tgħalliq. B’hekk baqa’ fuq ilsiena li meta trid tibgħat lil xi ħadd jixxejjer tgħidlu mur tgħallaq jew għandhom jgħalqu ma’ xi arblu.
Din il-frażi nkitbet fuq Facebook minn xi ħadd li ma nafux. Din inkitbet versu Robert Aquilina. L-ispettur iddeċida li jipproċedi kontra din il-persuna. Ġara li din il-kawża bdiet tinstema quddiem il-maġistrata Nadine Lia. Qabel ma bdiet tisma’ l-kawża, l-avukat ta’ Robert Aquilina, li hu Jason Azzopardi, talab lill-maġistrata Lia biex ma tismax il-każ. Ir-raġuni li ġab l-avukat Azzopardi kienet li l-kunjatu tal-maġistrata, li hu l-avukat Pawlu Lia kien iltaqa’ ma’ Robert Aquilina u qallu “b’mod aggressiv”, dejjem skont l-avukat Azzopardi, biex iħalli l-familja tiegħu bil-kwiet. B’hekk, l-avukat Azzopardi talab f’isem il-klijent tiegħu r-rekuża tal-maġistrata. Sa hawn nifhem li l-avukat ta’ Aquilina jitlob rekuża. Issa hija għal qorti taċċettahiex jew le. F’dan il-każ il-qorti ħasset li ma kellhiex taċċetta.
Dak li ġara stramb f’din il-kawża kien li l-maġistrata daret fuq l-ispettur li kien qed jipproċedi kontra din il-persuna fuq dan il-każ u staqsietu jekk hu jaqbilx li hija, jiġifieri l-maġistrata, għandhiex tirrekuża ruħha jew le. L-ispettur qalha iwa. Skont il-Malta Today, hu qalha li jaqbel mal-argument li qed jagħmel l-avukat Jason Azzopardi u Robert Aquilina. Meta l-maġistrata staqsiet lill-ispettur fuq liema artiklu tal-liġi kien qiegħed jibbaża l-argument tiegħu ma kienx kapaċi jwieġeb! Qal li ma jiftakarx in-numru tal-artiklu tal-liġi.

Mhux ser nidħol fuq il-mertu ta’ dan il-każ. L-anqas ser nikkummenta jekk hux sew li spettur jingħaqad mal-avukat tal-parte ċivili, kif ġara f’dan il-każ, biex jitlob rekuża ta’ maġistrata fuq punt li hu estraneu għall-prosekuzzjoni. Imma spettur, hu min hu, għandu jkun jaf il-liġijiet fuq pont subgħajh speċjalment dawk li jikkonċerna rekuża ta’ maġistrata. Infakkar li fuq spaltu hemm ir-risponsabilita’ li persuna titlef il-liberta’ tagħha, li persuna tkun kundannata jew tinħeles mill-att tal-akkuża.
Ġa b’dawn il-liġijiet tal-“hate crime” spiċċajna tellajna numru ta’ nies u waħħalnihom multi kbar għal xejn. Anzi kien hemm maġistrat li ma beżax imur kontra l-kurrent u llibera lil Fr. David Muscat li bħal dan ir-raġel kien akkużat fuq hate crime. Anzi dan jidher li qed ikun anki akkużat fuq theddid. Imma l-aqwa li nagħmlu show u nies ta’ Repubblika jibqgħu fl-aħbarijiet.
Taf x’naf li l-kummissarju tal-pulizija għandu r-riżorsi kollha għal dawn it-tipi ta’ każijiet li huma frivoli, imma għaliex ikunu jinvolvu lil ta’ Repubblika jew lil xi deput – jkun ta’ liema partit ikun – dejjem issib lill-pulizija taġixxi. Imbagħad l-istess kummissarju tal-pulizija ma għandux biżżejjed risorsi biex jibgħat pulizija jaħdmu fost il-kommunitajiet speċjalment f’żoni jaħarqu bħal ma huma dawk ta’ San Ġiljan u Wied il-Għajn!