Għaliex il-grupp parlamentari Nazzjonalista ma jmurx għand il-President tar-Repubblika biex jibdel lil Bernard Grech?

Minn osservatur politiku

Bernard Grech ser jibqa’ magħruf għall-frażi li qal lill-ġurnalista ta’ Lovin Malta, Tim Diacono, li taħtu d-deputati Nazzjonalista ma marrux għand il-president tar-Repubblika biex jitolbu li jibdluh. Fil-verita’, il-Grupp Parlamentari ma jmurx għand il-President għax hemm nies bħal Adrian Delia li jżommuhom jew ma jagħtux in-nar biex issir xi ħaġa bħal din. Adrian Delia qatt ma hu ser jasal biex jagħmel att bħal dan.

Adrian Delia mhux persuna vendikattiva u d-deni li ma jixtieqx fuqu, l-anqas iridu fuq għajru. B’hekk Adrian Delia ma jridx li terġa’ tirrepeti ruħha s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista bħal meta hu kien kap u kien hemm nies minn ġewwa u oħrajn minn barra li saħħnu l-qiegħa biex jitneħħa.

Imma jekk iridu jkunu konsistenti ma’ dak li għamlu, dawk li fadal mill-famużi sbatax ir-ribell u sħabhom għandhom jerġgħu jmorru għand il-President minħabba l-istħarriġ diżastruż li ħareġ il-Ħadd fuq il-MaltaToday u Illum. Fuq stħarriġ ħafna aħjar minn tal-bieraħ, dawn kienu marru għand il-president. Tifhem li dawn ir-ribelli ma jixtiqux imorru għand il-President għax ikunu waqgħu għan-nejk għat-tieni darba.

Huwa veru li l-Partit Laburista ma għandux biex jifraħ, anżi għandu għal xix jinkwieta, bl-andament tal-elettorat skont dawn is-surveys. Imma fl-istess ħin, il-Partit Nazzjonalista għandu għal xix iħabbel rasu meta qed jara dawk in-numri diżastrużi li jindikaw telf ta’ ‘l fuq minn 55 elf vot.

Dawn huma numri tat-twerwir li għandhom iġagħlu lil Bernard Grech jirrifletti. Kemm ilu Bernard Grech li laħaq Kap, in-numri baqgħu dejjem juru tnaqqis. Barra mill-istħarriġ għandna riżultat tal-elezzjoni ġenerali li ma jista’ jmerih ħadd.

Il-biża’ tiegħi hu li kollu żmien mitluf għall-PN li joqgħod jistenna biex jitlef l-elezzjoni tal-membri tal-parlament Ewropew biex jerġa’ jmur għall-għażla ta’ xi kap mill-kunsilliera jew tesserati. Jibqa’ Bernard Grech kap jew le illum spiċċa li mhux ser tagħmel l-ebda differenza mal-elettorat. Il-PN hu destinat li jitlef l-elezzjoni li jmiss u qed jissogra li jisparixxi mix-xena politika Maltija. Daqshekk ġabuh f’qagħda kritika l-Blue Heroes.

Forsi wieħed jista’ jargumenta li jekk il-Partit Nazzjonalista jrid jibda jieħu ftit tar-ruħ, ma hemm ebda dubju, li huwa importanti li Bernard Grech jiddimetti. Hemm bżonn li jwarrab għax huwa ċarissimu li l-elettorat ma jridx jaf bih. Imma l-problema li issa għandu l-Partit Nazzjonalista hija dik ta’ min ser ikun minflok. Min jitla’ ser jinħaraq jew jaħarquh. Illum il-problema hija ħafna ikbar minn Bernard Grech. Illum in-nies mhux lil Bernard Grech ma jridux imma lill-Partit Nazzjonalista kollu.

Issa sar importantissimu li l-Blue Heroes jaraw x’ser jagħmlu għaliex bl-azzjonijiet tagħhom spiċċaw iddiżintegraw lill-Partit Nazzjonalista. Meta taqra r-riżultat tal-istħarriġ ippubblikati l-Ħadd titwaħħax.

One thought on “Għaliex il-grupp parlamentari Nazzjonalista ma jmurx għand il-President tar-Repubblika biex jibdel lil Bernard Grech?

  1. Il Labour qed ibati min post election blues……Il Pn mill banda l’ohra qed ibati min inherent structural blues

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *