Ta’ Repubblika b’ħalqhom magħluq fuq Melvin Theuma
Minn osservatur politiku
Melvin Theuma irrifjuta li jagħti testimonjanza kontra ħamsa min-nies akkużati li tawh xogħol fantażma mal-Gvern. U għal darba oħra ta’ Repubblika ma fetħux ħalqhom fuq din il-kwistjoni. Għal darba oħra Repubblika reġgħu wrew li fejn jidħol Keith Schembri huma ma jitkellmux. Hija xi ħaġa kurjuża kif dawn li jiftaħru tant li huma jiġġieldu għas-saltna tad-dritt ma qalu xejn fuq dan il-fatt. Possibbli ma għandhomx opinjoni fuq biċċa aħbar bħal din? Jew Repubblika qed jibżgħu li taqa’ x-xhieda ta’ Melvin Theuma fil-każi li fihom għandu x’jaqsam hu?
Theuma kellu suppost jixhed f’dan il-każ fejn hemm involut Keith Schembri. Il-kawża hija miftuħa kontra Keith Schembri, Yorgen Fenech, Sandro Craus l-eks-uffiċjal tal-customer care fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Anthony Ellul eks-segretarju privat fil-Ministeru tal-Familja u Anthony Muscat l-eks CEO tal-kumpanija Housing Maintenance and Embellishment Co Ltd.
Waqt li kienet għaddejja l-kawża nqala’ l-argument jekk Melvin Theuma hux ser ikun kopert mill-maħfra preditenzjali li għandu. Allura ddeċieda li ma jagħtix ix-xhieda tiegħu. Fil-fatt meta kien fuq il-pedana tax-xhud huwa għażel id-dritt tiegħu li ma jinkriminax ruħu u rrifjuta li jagħti xhieda.
F’xhieda preċedenti Theuma kien qal lill-qorti li ħames xhur qabel ma nqatlet Daphne Caruana Galizia huwa ġie mogħti xogħol mal-Gvern minn Schembri fil-kumpanija msemmija għalkemm hu qatt ma daħal għax-xogħol. Imma ma ddejjaqx anki jċempel lill-Prim Ministru għall-flus.
Imma huwa tal-iskantament li fejn jidħol Keith Schembri ta’ Repubblika ma jgħidu xejn. Kif jista’ jkun li dawn ma jinteresshom xejn meta dawn l-istess nies huma fuq quddiem biex imexxu kwalunkwe kawża fejn jidħol jew hemm referenza għal qtil ta’ Daphne Caruana Galizia?
