L-Oppożizzjoni trid tgħid kollox: dak li hu ħażin u anki dak li hu tajjeb tal-gvern
Minn Osservatur politiku
Wara ż-żjara tiegħu fil-Belt Valletta fejn iltaqa’ man-nies fin-negozju u oħrajn li kienu l-Belt, Bernard Grech iddikjara li “Irridu naħdmu biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tolqot tajjeb lil kulħadd.” Ma hemm ebda dubju li wieħed jaqbel ma’ dikjarazzjoni bħal din u kif hemm bżonn li kull Malti u Għawdxi jirċievi dak kollu dovut lilu mingħajr ebda eċċezzjoni.
Imma Bernard Grech irid ikun sinċier man-nies li jitkellem magħhom, speċjalment l-impjegati diversi kif ukoll il-konsumaturi. Irid jgħidilhom jekk jaqbilx jew le mad-deċiżjoni tal-Gvern li jissussidja l-għoli fil-kontijiet tad-dawl. Irid jgħidilhom jekk jaqbilx li l-Gvern qed jagħmel sussidju wkoll fuq il-qmugħ u ċ-ċireali.
Bernard Grech irid ikun ġust ma kull min jitkellem u jiddikjara li kieku l-Gvern ma daħalx għal dan il-piż, l-għoli tal-ħajja kien ser ikun tali mod li jkisser diversi nies li diġa’ qed isibu problemi kbar biex ilaħħqu mal-ħajja. Nimmaġina li ħafna minn dawk in-nies li jiltaqgħu miegħu qalulu dwar l-effetti li qed isoffru minħabba l-għoli tal-ħajja. Nimmaġina li qalulu wkoll, la kien qed iżur il-ħwienet, li l-impatt qed ikun qawwi wkoll fuq diversi negozji.
Bernard Grech jaf, għax qal li ilu jiltaqa’ ma’ sidien tan-negozji, li l-problema tal-għoli tal-ħajja qed ittellef mhux ftit mill-bejgħ. Imma li kieku l-Gvern ma daħalx għas-sussidji li semmejna, x’kienu ser jgħidulu lil Bernard Grech is-sidien u l-impjegati li ltaqa’ magħhom il-Belt. Possibbli ma qalulux li jekk il-Gvern jgħaddi ż-żidiet tal-elettriku lill-poplu, dawn kienu ser ikissruh u kienu ser joħolqu problemi kbar lil dawk kollha li kemm kemm qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
Kif ser nibqgħu għaddejjin hekk fil-politika. Kif ser nibqgħu nisimgħu kritika biss minn partit għall-partit ieħor. Bħalissa l-Partit Nazzjonalista qed jitkellem kontinwament b’mod negattiv fuq id-deċiżjonijiet tal-Gvern. Possibbli dan il-Gvern ma jagħmilx waħda tajba? Possibbli għal Bernard Grech u sħabu, id-deċiżjoni li l-Gvern jerfa’ il-piż hu, ma tagħmilx sens?
