Kelmtejn lis-Sur Dione Borg u l-Caritas, il-paladini tal-faqar.

Minn Marica Micallef

Lil Dione Borg jiena ma nafux. Għax jiena ma narax televixin. Ħini nqattgħu b’mod aħjar – minbarra li l-ġurnata tiegħi mimlija daqs bajda, jiena nħobb naqra, nistudja u nqatta’ ħafna ħin nagħmel riċerka u nikteb dawn il-kitbiet li jiġu ppubblikati fuq dan is-sit.

Pero` s-Sur Borg, ma ddejjaq xejn jinkludi lil kull min jagħti l-kontribut tiegħu fuq dan is-sit, f’post li tella’ fuq il-paġna tiegħu, jiddieħek bi Profs Simon Mercieca “u sħabu.” Għal li jista’ jkun “sħabu” qed tirreferi għal kull min jikteb fuq dan is-sit?

L-ewwel nett, Simon Mercieca kkoreġa l-iżball fi blog ieħor “Dione Borg reġa’ għamilha!” u din turi irġulija!

Tidħol fuq dan il-post ta’ Borg u tara l-kummenti tan-nies mimlijin imħabba u rispett! Dan hu l-vera “hate speech”.

La Borg kiteb “Dan Simon u sħabu wkoll”, mela ħa nikteb jien erba’ kelmiet issa, bħala sħab:

Jiena ma nitħallasx biex nikteb dawn il-kitbiet. Nagħmilhom fil-ftit ħin liberu, ġieli mal-lejl. Dan ifisser li jiena mgħandi l-ebda kuntratt, patt jew obbligu li awtomatikament jiġi meta jkun hemm ħlas! Allura Sur Borg inti titħallas tal-programm fuq in-Net? U meta wieħed jitħallas ikollu joqgħod għal ċerti regoli, aġendi, jew indħil, hux hekk?

It-tieni nett, lil Profs Mercieca jiena ltqajt miegħu darbtejn fuq il-programm li kellu fuq Xejk. Il-bqija, la naf u lanqas qatt iltqajt ma’ xi ħadd li jikteb fuq dan is-sit u dan ifisser, li aħna ma naħdmux ġol-istess binja u niktbu dak li jagħtuna permess niktbu! L-unika aġenda ta’ dan is-sit hu li jikteb il-verita’ u għalhekk joqros għax dak li niktbu, joqros fil-laħam il-ħaj.

It-tielet, hemm xi kitba minn tiegħi li mhix veritiera? Hemm xi kitba li mbagħad wara ma ġietx ippruvata bħala veritiera? Mela dan juri li jiena minix qed nivvinta jew nigdeb. Wara kollox, xi skop irid ikolli biex nigdeb? X’se nieħu? La l-PL, la l-PN, la l-ONE, la n-NET u lanqas xi istituzzjoni oħra mhi tħallasni biex immexxi xi aġenda.

Ir-raba’, flok stedint opinjonisti li ma jafux xi tfisser tkun fqir, għax ma stedintx nies li vera qed imissu mal-faqar, Sur Borg?

Il-ħames, la kellek kelliem fuq il-Caritas, mela ħa nispjegalek jien fuq il-Caritas, għax it-tliet xhur li ħdimt hemm, kienu biżżejjed biex inkun ta’ xhieda. U jiena mara li nosserva u ma jaħrabli xejn! Dħalt naħdem hemm bi ħġari għax kienet ħolma kbira tiegħi li ngħin lil nies li jinħakmu mill-vizzju qerriedi tad-droga. Dan wara xhur fejn kont bla xogħol u waqt dan il-perjodu, kelli l-papa’ qed imut (l-istorja, ħafna jafuha). Pero`, minbarra li ma ġejtx milqugħa, fejn tidħol fl-ewwel ġurnata u ħadd ma qalli “bonġu u nilqgħuk magħna”, hemmhekk rajt ħafna affarijiet.

Il-Caritas lili poġġewni, iva, fi stat finanzjarju fqir, wara li keċċewni għax irrifjutajt li nieħu l-vaċċin tal-Covid u għax ma ridtx li nagħmel PCR test kull ġimgħa! U sirt naf ukoll li xhur qabel, bniedem li kien jiġi jagħmel b’mod volontarjat il-yoga lir-reżidenti, spiċċa telaq għax ma riedx jieħu l-PCR test kif riedu huma! Mela l-ewwel għamlu ġimgħat iċemplu jsaqsuni x’tip ta’ vaċċin ħa nieħu u x’numru fiha l-batch, li mhux biċċa tagħhom, u mbagħad bagħtuli r-regoli b’imejl, u mbagħad, għax irrifjutajt, qabdu u bagħtu għalija fl-aħħar tax-xahar, u qaluli “il-kuntratt tiegħek jieqaf hawn”. Vendikazzjoni bil-pulit. Mank almenu qaluli li jekk minix se naċċetta sa xi deadline, jiena ħa jkolli nfittex xogħol ieħor. Almenu, kont nilħaq nibda nfittex. Pero’ kollega ieħor li bħali rrifjuta, ma tkeċċiex. Diskriminazzjoni. Naħfer iva. Ninsa qatt.

Lir-reżidenti wkoll qalulhom li jekk iridu jibqqħu fil-programm iridu jieħdu l-vaċċin. Niftakar residenta tibki tgħidli li ma tridx teħodha. U jiena ma stajt nagħmel xejn biex naqbeż għaliha! U ħafna kienu ma jifilħux wara. U kull min ried jidħol jibda programm, kellu wkoll jieħu il-vaċċin. Inkella ma jidħolx! U nfakkar li din hi NGO tal-Knisja. Dak Kristjaneżmu! Kieku jerġa’ jiġi Kristu fostna, jerġa’ juża l-frażi “oqbra mbajda” tgħid?

Spiċċajt sibt xogħol part-time fejn min iħaddem, biex jiffranka jħallas il-bolla, tefagħni fuq programm tal-Jobs Plus li kienu jħallsuni bir-rata ta’ madwar €4 is-siegħa. B’hekk ma kelli l-ebda kuntratt ta’ obbligu ma’ min kien qed iħaddimni u dan seta’ jagħmel li jrid kif il-kuntratt mal-Jobs Plus li kien jinkludi numru ta’ sigħat, jiġi fi tmiemu! Għax il-flus hawn imorru – kif ngħinu lil min iħaddem jiffranka u jevita l-obbligi tiegħu! Ara l-ħaddiem, dak jaqla’ fuq wiċċu! Is-soċjaliżmu sfaxxa.

Qlajt madwar elf ewro fi 3 xhur, bil-loan tad-dar u kontijiet ġejjin xorta! Dan mhux tip ta’ faqar ukoll li tefgħuni fih il-Caritas, Sur Borg!

Allura l-Caritas marru jagħmluha tal-paladini jitkellmu fuq il-faqar?

U nistaqsi wkoll, għaliex hemm residenti li jagħmlu l-programm anki disa’ darbiet? X’qed imur ħażin?

Ħa nieqaf hawn għax jekk nibda nikxef il-borom, nikteb bibbja!

Mela Sur Borg, jekk jogħġbok, qabel ma tippjana l-programmi kkontrollati tiegħek, nitolbok tagħmel ftit homework. U qabel tikteb xi post fuq Facebook, tagħtix in-nar lill-ħatab billi twaqqa’ lil ħaddieħor għaż-żufjett! Hemm mod u mod kif tikteb post u tagħmel il-punt tiegħek, speċjalment ġurnalista li suppost jaf iħaddem is-sengħa tal-kitba!

2 thoughts on “Kelmtejn lis-Sur Dione Borg u l-Caritas, il-paladini tal-faqar.

  1. L-unika aġenda ta’ dan is-sit hu li jikteb il-verita’ u għalhekk joqros għax dak li niktbu, joqros fil-laħam il-ħaj.

    SPOT ON! WELL SAID! SOCK IT TO THE HILT TO THAT ARROGANT FACTION OF THE OLDDCGPN!!!

  2. Dione Borg quddiem il kap jilghaq. Min warajh iggerger. Shabu l gurnalisti ma jistghux jafdawh. La b’kelma wisq anqas fix xoghol ghax ma tantx itella xoghol. U l ftit li kaghmel jaghmlu nofs kedda. Dione Malta zghir u n nies maghrufa.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *